Lokali

“Iż-żgħażagħ mhumiex jaraw viżjoni u direzzjoni għall-futur ta’ pajjiżna” – Thomas De Martino

Ripetutament smajna diskorsi dwar kif iż-żgħażagħ fil-gżejjer Maltin qegħdin jaqtgħu qalbhom u jħarsu lil hinn biex jibnu futur 'il bogħod minn pajjiżna

Konversazzjoni twila u mhux tas-soltu fil-jiem li għaddew ma’ Thomas De Martino, li hu l-Viċi President tal-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista, u li matulha tkellimt dwar diversi temi… inkluż dwar ir-reazzjoni ta’ ħafna żgħażagħ Maltin u Għawdxin li mhumiex jaraw futur għalihom u għal pajjiżna bi Gvern Laburista, uriet biċ-ċar li dan il-Gvern m’għandu l-ebda pjani serji għall-ġejjieni tagħhom u ta’ pajjiżna.

Pajjiżna fejn donnu jirrenjaw dawk li huma viċin ċerti kwartieri; dawk viċin Kastilja; dawk viċin ċerti Ministeri u ċerti nies li jaħsbu li għandhom rashom kbira. Imma finalment sustanza ta’ xejn. Baħħ. Għaliex finalment il-flus mhumiex kollox… hemm is-sodisfazzjon li magħha ġġib il-karriera; li magħha ġġib id-dinja tax-xogħol.

Thomas De Martino qal li r-rwol tiegħu fil-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista jagħtih l-opportunità unika li jifhem tajjeb x’inhuwa s-sentiment taż-żgħażagħ f’pajjiżna.

“Nagħmel ħilti biex nitkellem ma’ kemm jista’ jkun żgħażagħ u mhux limitat li nitkellem ma’ żgħażagħ ta’ xi fehma politika jew oħra, imma ma’ firxa kemm jista’ jkun wiesgħa.

“Sadattant nagħmilha ċara li mhux l-istil tiegħi li nkun negattiv iżda nagħmel ħilti kollha biex nipprova nkun ġust fl-analiżi tiegħi. Ma nħossnix li nkun inġust jekk ngħid li ħafna miż-żgħażagħ f’pajjiżna qed iħossu nuqqas qawwi ta’ viżjoni u direzzjoni inġenerali għal pajjiżna.”

Mistoqsi għaliex din il-linja ta’ ħsieb fost ħafna żgħażagħ, Thomas De Martino fisser li filwaqt li fl-aħħar snin l-ispejjeż dejjem żdiedu, il-pagi baqgħu prattikament l-istess u allura saret aktar diffiċli li wieħed jgħix b’mod diċenti.

“Partikolarment għalina ż-żgħażagħ fejn il-maġġoranza tagħna rridu ninvestu fi proprjetà biex naħsbu biex nibnu familja. Huwa diffiċli ħafna għalina li nagħmlu dan minħabba li l-prezzijiet tal-proprjetà huma dejjem telgħin.”

Jirriżulta anki minn rapport maħruġ f’dawn il-jiem minn KPMG, li l-prezzijiet tal-proprjetà f’pajjiżna żdiedu b’erbgħin fil-mija sa mill-2017 sal-punt li kull sena l-prezzijiet qegħdin jiżdiedu b’sitta fil-mija fuq is-sena ta’ qabel. Jirriżulta, fost l-oħrajn, li l-prezz ta’ appartament illum żdied bi €80,000 fuq il-prezz tal-2017! Jirriżulta li appartament illum żdied b’erbgħin fil-mija u mill-prezz ta’ €200,000 fl-2017 illum sar jiswa €280,000!

Ma’ Thomas De Martino tkellimt ukoll dwar l-opportunitajiet tax-xogħol u qal li postijiet tax-xogħol ta’ kwalità hawn, iżda mhux b’pagi kompetittivi, tant li ħafna qegħdin jagħżlu li jitilqu minn pajjiżna u jsibu impjieg b’paga ferm aħjar barra minn xtutna.

Dan saħansita kien ikkonfermat minn sondaġġ tal-EY li kien ippubblikat ftit tax-xhur ilu, li kien sab li ’l fuq minn sebgħin fil-mija taż-żgħażagħ Maltin jitħajru jitilqu minn xtutna.

“Konsegwentament, nemmen li fil-ġejjieni pajjiżna se jsofri minn brain drain, bir-riżorsi edukattivi ta’ pajjiżna jmorru biex jissupplixxu professjonisti barra minn pajjiżna minflok f’Malta.

“U la qed insemmu s-sistema edukattiva, tajjeb insemmu l-bżonn ta’ investiment urġenti fis-sistema inġenerali. Il-maġġoranza tal-istudenti, la darba jlestu l-edukazzjoni obbligatorja, iħossu li filwaqt li tgħallmu ħafna materjal bl-amment, xorta m’għandhomx għarfien b’saħħtu ta’ affarijiet essenzjali li nużaw fil-ħajja ta’ kuljum, bħal: Kif jaħdmu t-taxxi? Kif tinvesti fi proprjetà? Kif tissellef mingħand il-bank? Kif tibda negozju? Dan apparti l-bżonn ta’ element aktar b’saħħtu ta’ ħsieb kritiku fis-sistema edukattiva, sabiex niżguraw li noħorġu mis-sistema bħala ċittadini sħaħ fl-għarfien tagħna,” qal Thomas De Martino.

Tajjeb li ngħidu li Thomas De Martino hu żagħżugħ ta’ 23 sena mill-Mosta. Qiegħed jistudja biex isir avukat u jinsab fl-aħħar sena fl-istudji għall-Baċellerat fil-Liġi.

Hu kandidat għall-elezzjonijet tal-Kunsilli Lokali, fuq belt twelidu, il-Mosta, kif ukoll qiegħed iservi bħala Viċi President tal-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista. L-attiviżmu tiegħu fil-politika, kemm fuq livell lokali kif ukoll fuq livell ta’ Partit, sar parti integrali minn ħajtu u allura huwa ta’ privileġġ kbir għalih li qiegħed jagħti dan il-kontribut.

Mistqosi dwar is-sehem tiegħu fil-politika, Thomas De Martino fisser li din hi mistoqsija li ssirlu spiss għaliex ħafna ma jarawhiex sensibbli li tħalli l-politika tikkonsmalek il-ħin u l-enerġija minn ma’ affarijiet oħrajn meqjusa aktar importanti.

Apparti minn hekk, iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar qiegħed jinħass iżjed tanġibbli s-sens ta’ xettiċiżmu tan-nies għall-politika inġenerali, u allura aktar u aktar tinħass bħala ġennata li żagħżugħ jinvolvi ruħu. “U dan is-sentiment mhux jien biss inħossu, iżda wkoll ħafna minn sħabi żgħażagħ li ninsabu involuti b’xi mod jew ieħor fil-politika.

“Imma dan ix-xettiċiżmu ma narahx raġuni valida biex naqtgħu qalbna; kważi kważi din l-isfida aktar ittini grinta. Nifhmu li x-xettiċiżmu mhux ġej mix-xejn, imma huwa sintomu ta’ xi ħaġa ferm akbar; diversi fatturi bħall-firda li l-politika partiġjana kultant iġġib magħha, jew id-diversi stejjer ta’ korruzzjoni li qed nisimgħu bihom, jew inkella s-sens li pajjiżna u l-livell ta’ għajxien tagħna sejrin lura minħabba politika ineffettiva u bla pjan,” qal Thomas De Martino.

Hu kompla li għalhekk eluf kbar ta’ nies qed jagħżlu li jastjenu milli jinvolvu rwieħhom mal-politika, mhux biss mill-attiviżmu imma saħansitra milli jeżerċitaw id-dritt tal-vot. “Xogħolna huwa li nisimgħu x’inhuma r-raġunijiet wara dan ix-xettiċiżmu u naraw li nindirizzawhom.

“Li nibqgħu mexjin bħallikieku kollox business as usual mhix soluzzjoni, għaliex xettiċiżmu fil-politika ta’ pajjiż jirrifletti nuqqas ta’ interess fil-preżent u l-ġejjieni tal-pajjiż innifsu. U hawnhekk tidħol ir-raġuni ta’ għalfejn il-politika; nistaqsi lill-qarrej hemmx settur wieħed ta’ ħajtu li mhuwiex affettwat mill-politika. Mix-xogħol u l-paga u l-ħin ta’ kwalità li jista’ jqatta’ mal-għeżież tiegħu jew tagħha, l-ambjent li ngħixu fih, l-edukazzjoni li nirċievu sas-servizz tas-saħħa li nirċievu, kollox huwa iddeterminat mill-politika.”

Hu żied li “hu importanti nirrimarka li l-kunċett ta’ politika f’dan il-każ mhux nirreferi għad-definizzjoni simplistika ta’ politika: aħmar kontra blu u partit kontra ieħor, imma għat-tifsira wiesgħa tagħha, fejn permezz ta’ diskussjoni, l-attiviżmu u l-proposti naslu biex insolvu l-isfidi li qed taffaċċja s-soċjetà.

“Għalhekk il-politika naraha għodda mill-aqwa biex insolvu l-problemi ta’ madwarna u allaħares ilkoll kemm aħna nitilfu l-interess fiha għaliex kwalunkwe qasam ta’ ħajjitna u tas-soċjetà li ngħixu fiha jitħalla għal riħu u t-tibdil li nixtiequ nimplimentaw ma jsir qatt. Dan il-ħsieb huwa wieħed mir-raġunijiet prinċipali għalfejn ninvolvi ruħi fil-politika.”

Hawnhekk tkellimna dwar il-lokalità tal-Mosta u Thomas De Martino fisser li bħala kandidat ġdid għall-elezzjonijiet tal-Kunsill Lokali tal-Mosta hu għażel li jagħmel u jieħu dan il-pass għal diversi raġunijiet.

Hu kompla li “b’dik prinċipali tkun, bħal kwalunkwe persuna li tagħżel li tagħmel dan il-pass, l-imħabba lejn belt twelidek. Trabbejt u dejjem għext fil-Mosta, il-familja tagħna prattikament kollha toqgħod il-Mosta u allura nħoss li għandi rabta b’saħħitha ma’ dan ir-raħal, li llum il-ġurnata qas tant nistgħu nsejħulu raħal għaliex għandna popolazzjoni ta’ aktar minn 20,000 ruħ u hija waħda mil-lokalitajiet f’Malta bl-ogħla rati ta’ żieda fil-popolazzjoni għaliex tattira ħafna familji u negozji ġodda.”

Hu qal li l-Mosta tinsab għaddejja minn bidliet kbar, mhux biss fid-daqs u fid-dehra imma anke soċjalment għaliex hija waħda mill-aktar komunitajiet Maltin li tħalltet, kemm ma’ nies u familji li ġew minn bnadi oħrajn f’Malta biex jgħixu fil-Mosta, kif ukoll għadd konsiderevoli ta’ barranin.

“Dak li jgħiduli n-nies fil-komunità minn ġurnata għall-oħra u fiż-żjarat fid-djar tiegħi, inħossu jien ukoll. Il-Mosta teħtieġ pjan, pjan fit-tul li jsir b’konsultazzjoni mar-residenti u n-negozji, li jħares lejn dak kollu li teħtieġ il-Mosta issa u li se jkollha bżonn minn hawn u 20 sena oħra.

“Jeħtieġ li l-Kunsilli Lokali jkollhom rwol ċentrali fi pjanijiet bħal dawn, għaliex ħadd ma jifhem il-ħtiġijiet tal-lokalità daqs il-kunsilliera lokali li huma ħaġa waħda fil-komunità. Dan ma jkunx pjan ta’ fuq il-karti biss, imma bi proposti u ħsibijiet fattwali msejsa fuq l-bżonnijiet tar-residenti.

“Eżempju, fejn se nagħmlu spazji miftuħa? Il-Mosta saret ċentru urban enormi u allura għandna nuqqas kbir ta’ spazji miftuħa. Xi spazji qegħdin jiġu identifikati mill-entitajiet responsabbli biex dawn jinbidlu fi spazji fejn il-familji, iż-żgħażagħ u l-anzjani jkunu jistgħu jgawdu ħin ta’ kwalità?

“Apparti minn hekk, irid ikun hemm pjan fuq il-provvista tas-servizzi fil-Mosta. Iż-żieda drastika fil-popolazzjoni u l-konċentrazzjoni tagħha f’ċertu zoni qiegħed bla dubju jwassal għal pressjoni fuq is-servizzi bħall-proviżjoni tal-elettriku.”

Hu qal li f’ċertu zoni tal-Mosta diġà qed jinħassu spiss problemi ta’ inkonsistenza fil-vultaġġ, xi ħaġa li sseħħ meta d-distribuzzjoni ma tkunx qed tlaħħaq.

L-indafa fit-toroq hija tema oħra li spiss tinħass; żieda fil-popolazzjoni ovvjament twassal għal bżonn ta’ aktar tindif. Il-Kunsill Lokali ma jistax jagħmel wisq aktar, għaliex ir-riżorsi tiegħu huma

wisq limitati minħabba n-nuqqas ta’ fiduċja tal-gvern fil-Kunsilli Lokali. Jeħtieġ ferm aktar ħaddiema u makkinarju sabiex ilaħħaq mal-esiġenzi ta’ din il-belt li llum tammonta għal aktar minn 280 triq u 20,000 resident.

Hu qal li ovvjament l-aktar tema fuq fomm kulħadd huwa x-xogħol li qed isir fil-pjazza u l-madwar. F’dawn l-aħħar snin saru diversi proġetti infrastrutturali fil-qalba tal-Mosta li ttawlu żżejjed fiż-żmien u minħabba fihom qed ibatu r-residenti u n-negozji.

Din hija xi ħaġa tajba li jsiru l-proġetti ta’ titjib, anzi xi ħaġa essenzjali. Imma dan m’għandux isir bil-konsegwenza li tiġġammja belt, mingħajr ebda konsultazzjoni ma’ ħadd, speċjalment mar-residenti u n-negozji tal-madwar.

Anki minn aspett ta’ health and safety; peress li dawn ix-xogħlijiet qed isiru fiċ-ċentru tal-Mosta u allura ta’ kuljum eluf ta’ nies iridu jaċċessaw din iz-zona bil-mixi jew bil-vettura privata tagħhom, il-prekawzjonijiet ta’ sigurtà huma essenzjali aktar minn qatt qabel. Madankollu, minħabba n-nuqqas ta’ ħsieb mill-awtoritajiet biex ikun hemm passaġġi sikuri u aċċess ta’ serħan il-moħħ, weġġgħu madwar 30 ruħ kemm ilu għaddej ix-xogħol, il-maġġorparti anzjani li waqgħu għaliex tfixklu fit-taħwid li kien hemm.

Thomas De Martino kompla li barra minn hekk, il-ħwienet sofrew ħafna f’dawn ix-xhur għaliex kemm il-darba ma kienx hemm aċċess sikur għall-ħwienet tagħhom, ovvjament mingħajr notifika minn qabel sabiex ikunu jistgħu jippjanaw is-sigħat tal-ftuħ u x-xiri tal-istocks tagħhom.

“X’se jsir biex jiġu kkumpensati dawn, għaliex ix-xogħlijiet damu aktar milli kien pjanat? Xi ngħidu għan-nuqqas ta’ konsultazzjoni bejn l-entitajiet tal-gvern? Xogħol fi bnadi arterjali differenti tal-Mosta jinqala’ f’daqqa minn entitajiet tal-gvern differenti, bil-konsegwenza li ssir prattikament impossibbli biex wieħed jaqsam minn punt A sa punt B u jkollok iddur dawra sħiħa mal-Mosta biex tasal. U dan ifisser aktar traffiku, aktar konġestjoni u aktar tniġġis. Jidher ċar li hemm bżonn ta’ aktar konsultazzjoni bejn l-entitajiet governattivi.”

Hu temm li bħala kandidat għall-Kunsill Lokali kif ukoll bħala Viċi President tal-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalisa, “qiegħed ikolli l-opportunità unika li nagħraf il-bżonnijiet kemm tal-komunità fuq livell lokali kif ukoll taż-żgħażagħ fuq livell nazzjonali.

“Il-messaġġ tiegħi huwa wieħed sempliċi: int min int u ġej minn fejn ġej, involvi ruħek. Qegħdin nagħtu kemm jista’ jkun spazju biex żgħażagħ ġodda jingħaqdu mal-Partit Nazzjonalista, fejn ikollhom l-pjattaforma biex jaħdmu għall-ġid tal-lokalitajiet tagħhom u għal pajjiżna. L-involviment ta’ kull wieħed u waħda minna kapaċi jagħmel differenza,” temm Thomas De Martino.

Din l-intervista għamiltha lil Thomas De Martino qabel dak li ġara matul din il-ġimgħa fil-Mosta.