Lokali

L-EDITORJAL TAT-TIMES: “L-arroganza tal-Labour se twassalhom għat-triq tan-niżla”

“L-arroganza li adotta l-Labour tindika b’mod ċar li qabad it-triq tan-niżla. U l-isfreġju fil-Pjazza tal-Mosta kien eżempju ieħor illi juri li l-Partit Laburista mhux qed iġib l-interessi tal-poplu l-ewwel.”

Dan kien il-messaġġ li twassal il-Ħadd fl-editorjal tat-Times illi fakkar kif għaxar snin wara li l-Labour tela’ fil-Gvern qed tidher ċara aktar minn qatt qabel li qed jitlef il-valuri kollha li xi darba kien iħaddan. Sentiment li esprimewh bosta matul dawn l-aħħar xhur.

L-editur fakkar li s-siġar tal-fikus biswit ir-Rotunda huma protetti bil-liġi u li dawn ma kinux ta’ ostaklu. Dan huwa kompletament l-oppost ta’ dak li qalet l-ERA; l-istess awtorità li suppost tipproteġi l-ambjent f’pajjiżna.

L-editorjal jgħid illi is-Sindku Laburista tal-Mosta Chris Grech ma kellux għażla oħra għajr li jċedi għat-talba tal-attivisti u r-residenti – pero l-ħsara fuq dawn is-siġar diġà saret.

It-Times tgħid ukoll li Project Green kienet ingħatat budget ta’ €700 miljun – awtorità li hija mmexxija minn persuna li m’għandu l-ebda kwalifiċi relatati mal-ambjent. U għalhekk dan jqajjem tħassib kbir li l-Gvern ta’ Robert Abela qed jagħmel minn kollox sabiex il-kuntratturi jkomplu jagħmlu l-profitti filwaqt li jkomplu jqarrqu bil-poplu bil-wegħda ta’ aktar spazji miftuħa.

L-editur saħaq li l-Partit Laburista abbanduna numru kbir ta’ wegħdiet li kien għamel fil-manifest elettorali hekk kif il-Labour jinsab impenjat li jżid il-bini b’mod eżaġerat f’pajjiżna, filwaqt li qed jinjora kompletament l-impatt li dan kollu qed iħalli fuq il-poplu kif ukoll fuq id-dehra ta’ pajjiżna.