Internazzjonali

L-Ukrajna:  Il-kapitali Kiev assedjata bid-drones provduti lir-Russja mingħand l-Iran

Il-qawwiet tar-Russja, għat-tieni lejl konsekuttiv, fetħu baraxx ta’ drones kontra l-kapitali Ukrena Kiev u fejn is-sistemi tad-difiża rnexxielhom iwaqqgħu numru sinifikanti ta’ dawn l-inġenji li l-Iran qed jissupplixxi lir-Russi għall-gwerra li ilha għaddejja fl-Ukrajna minn Frar tal-2022.

Iżda waqt li r-Russja rrankat l-attakki bid-drones, l-awtoritajiet Ukreni qed jinsistu li dawn mhumiex iħallu l-vittmi fil-kapitali u meta l-faċilitjiet fil-belt ma ġarrbux xi ħsarat kritiċi.

L-aħħar mewġa tad-drones immirati għall-Ukrajna segwiet attakk simili li fih l-Ukreni waqqgħu il-parti kbira ta’ xi 40 drone tat-tip Shahed prodotti mill-Iran u li ilhom ix-xhur inkorporati fil-Magna tal-Gwerra tal-Kremlin.

Fi żviluppi oħra, l-awtoritajiet fir-Russja qalu li eliminaw xi drones immirati lejn Moska u li allegatament kienu sparati mill-Ukrajna. Ingħad li d-drones kienu interċettati huma u għaddejjin minfuq id-Distrett ta’ Bogorodsky, lejn il-grigal tal-kapitali Russa.