Lokali

Maltin b’kontribut siewi lejn skoperta ta’ parti mill-Univers li qatt ma dehret qabel

Tim ta’ Maltin astronomi ġew rikonoxxuti għax-xogħol siewi tagħhom sabiex ġiet skoperta parti oħra mill-ispazju li qatt ma dehret qabel.

Ix-xogħol ta’ Ian Fenech Conti għall-PhD fl-Università ta’ Oxford wassal sabiex dan l-istess xogħol jagħmel parti mill-kontribut tal-famuż Euclid telescope li juri immaġini bil-kulur tal-ispazju.

Ian Fenech Conti fil-jum tal-gradwazzjoni tiegħu wara t-tlestija tal-PhD

Dan it-teleskopju beda l-vjaġġ tiegħu f’Lulju ta’ din is-sena bl-għan li l-astronomi jesploraw il-partijiet tal-Univers li mhumiex visibbli mid-dinja.

Eventwalment, dan it-teleskopju li qed idur l-Univers mistenni jgħaqqad mappa 3D billi josserva l-biljuni ta’ galassji.

Net News tkellem ma’ wieħed mill-Maltin li ta kontribut, id-direttur tal-Istitut Malti għax-Xjenza tal-Ispazju u l-Astronomija (ISSA), il-Professur Alessio Magro fejn spjegalna li dan it-teleskopju hu wieħed speċjali minn oħrajn hekk kif l-ebda minnhom ma kienu kapaċi jieħu ritratti ta’ zoni daqshekk kbar f’ritratt wieħed.

“Meta għandek wide-angle tara l-ġnub imġebda,” qal Prof. Magro. “Allura, billi aħna rridu naraw affarijiet vera dettaljati, galassji li huma ‘l bogħod, 10 biljuni light-years ‘il bogħod, dawn se jkunu ħames pixels. Inti trid tkun ċert li dawn il-pixels ikunu kemm jista’ jkun kif verament huma. Allura, xoghlna kien li nimmudellaw it-teleskopju kollu biex inneħħu l-effetti tat-teleskopju mill-istampa li tiġi ġenerata ħalli jibqalek biss l-istampa eżatta ta’ kif naħsbu li l-galassji huma verament.”

Issa, it-tim Malti x’għandu pjanat għall-futur? Ix-xogħol għal Euclid telescope ma jieqafx hawn, anzi għandu jibqa’ sejjer għas-snin li ġejjin. Fil-fatt, ix-xogħol li sar s’issa kien biss biex jassiguraw li t-teleskopju qed jagħmel ix-xogħol li intenzjonat li jagħmel, bix-xogħol tiegħu hu previst li jibda minn Marzu li ġej. Għalissa qed isir xogħol biex jagħmlu t-teleskopju iktar effiċjenti ħalli jieħu l-inqas ħin possibbli biex jiġġenera l-istampi tal-galassji.

Fl-aħħar ġimgħat, it-tim Malti ġie rikonoxxut bħala l-aqwa tim li pproduċa l-aqwa proġett fost 1,500 parteċipant, tant li ngħataw il-premju Euclid Special Talent And Recognition (STAR).