Lokali Qorti

Probation għal sentejn wara li ammetta li qabeż fi ground u sawwat plejer

Żagħżugħ ta’ 26 sena minn Ħal Qormi tpoġġa taħt ordni ta’ probation għall-perjodu ta’ sentejn wara li ammetta li fil-grawnd tal-futbol fl-istess lokalità qabeż ċint, daħal fil-pitch u ħebb għall-plejer li spiċċa ferut b’mod gravi mill-ħati.

Mark Colombo ammetta li wettaq dan ir-reat fid-29 ta’ April 2018, ġimgħatejn wara li Qormi FC kienu saru Champions tal-Ewwel Diviżjoni u għalhekk promossi għall-kampjonat Premier. Il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace qalet li l-każ kien jinvolvi ġlieda bejn diversi nies waqt logħba futbol u l-akkużat kien qed isegwi l-logħba u wettaq ir-reat.

Meta ġiet biex tagħti l-piena l-Qorti qieset li ż-żagħżugħ ammetta fi stadju bikri tal-proċeduri kif ukoll li għandu kondotta nadifa. Hu tpoġġa taħt ordni ta’ probation għal sentejn fuq l-ewwel akkuża dik mingħajr il-ħsieb li joqtol jew jqiegħed il-ħajja ta’ Doding Njongo Lobe Priso, plejer mill-Kamerun f’ periklu ċar, weġġgħu gravament.

Il-Qorti mmultatu wkoll €60 talli fl-istess ħin, lok u ċirkostanzi, qabeż ċint, jew barriera li ddawwar il-pitch u daħal fil-post fejn ikun qed isir il-logħob. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Kylie Borg.