Filwaqt li Robert Abela fid-diskors tar-replika tal-Baġit ftaħar b’ħafna pompa li se jkun qed jibdel il-Pjan Lokali biex jipproteġi l-bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien, jirriżulta li naqas milli jikkommetti u jagħti l-kelma tiegħu li l-Gvern Laburista tal-ġurnata kien se jesproprja u jakkwista din iz-zona u jagħmilha park nazzjonali.
Dan kollu fl-isfond li l-istess Partit Laburista qed jipprova jaħbi l-fatt li fil-Manifest Elettorali tiegħu tal-elezzjoni tas-sena 1998, kien hu stess li ppropona li Gvern ġdid Laburista kien se jimplimenta pjan ta’ żvilupp għal Għawdex li, fost l-oħrajn, kien se jinkludi yacht marina fil-bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien li tipprovdi post għall-500 jott, villaġġ għall-industrija tal-artiġġjanat f’Ta’ Xħajma, Korsa tal-Golf u Casino.
Kien f’Awwissu tas-sena tal-1998, meta fil-gazzetta It-Torċa, kien rappurtat bi prominenza dak li kien qed jipproponi l-Gvern Laburista ta’ dak iż-żmien għal Għawdex… ‘Yacht Marina flok barriera f’Għawdex’ f’Ħondoq ir-Rummien.
Kien il-Prim Ministru Laburista ta’ dak iż-żmien, Alfred Sant, li waqt żjara li kien għamel f’Għawdex fit-22 ta’ Awwissu tal-1998, akkumpanjat minn diversi Ministri tal-Gvern Laburista ta’ dak iż-żmien, kien qal li: “Il-proġett tal-yacht marina f’Għawdex se jinbena fil-barriera eżistenti u jersaq fil-ġenb biex il-bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien tibqa’ mhux mittiefsa u jitħares l-ambjent naturali tal-inħawi.”
Alfred Sant kien qal ukoll li l-barriera se tkompli titħaffer biex imbagħad timtela’ bl-ilma baħar u tipprovdi spazju għal aktar minn 400 yacht f’dak il-post li issa huwa mirdum.
Alfred Sant kompla jinsisti li dak il-proġett se joħloq 400 implieg ġdid bl-attività kummerċjali ġdida li toħloq il-yacht marina f’Ħondoq ir-Rummien, u kien se jġib ukoll negozju tal-provvisti tal-jottijiet u tat-tiswija tal-jottijiet li jorbot mal-iżvilupp turistiku f’Għawdex.
Alfred Sant kien insista li gvern ġdid Laburista kien se jwettaq dan il-proġett f’Għawdex wara l-elezzjoni li kienet se ssir fil-5 ta’ Settembru tas-1998, liema elezzjoni l-Partit Laburista kien eventwalment tilef.
Saħansitra il-Partit Laburista kien diġà ppubblika impressjoni artistika ta’ kif se tkun qed tiġi żviluppata l-bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien mill-istess gvern Laburista, fejn kienet se tiġi żviluppata yacht marina li tipprovdi post għall-500 yacht.
Kien għaxar snin qabel li l-Partit Laburista kien ħareġ b’din il-proposta, eżattament fit-18 ta’ Gunju tal-1988, meta kumpanija privata bl-isem Gozo Prestige Holidays Limited akkwistat mingħand il-kunvent ta’ Santu Wistin tar-Rabat, Għawdex, medda kbira ta’ art tal-kejl ta’ madwar 68 tomna mit-territorju msejjaħ ‘Tal-Blata tal-Qala’ fiz-zona ta’ Ħondoq ir-Rummien fil-Qala.
Kien imbagħad f’Lulju tas-sena tal-2002, li l-istess kumpanija li akkwistat din l-art, applikat mal-Awtorità tal-Ippjanar biex tibni villaġġ turistiku f’din iz-zona, li kien jinkludi yacht marina kif kien ippropona l-Partit Laburista fil-Manifest Elettorali tiegħu erba’ snin qabel.
Din l-applikazzjoni għal żvilupp kienet tikkonsisti f’lukanda ta’ 110 kamra, 25 villa, 260 unit residenzjali ieħor, ħwienet, restoranti, kappella, uffiċċji amministrattivi, flimkiien ma’ yacht marina b’post għal 150 yacht, li kienet se tkun ferm iżgħar minn dak li kien ippropona l-Partit Laburista ftit qabel fejn kien ried li ssir il-yacht marina għal 500 yacht.
Fuq quddiem nett kontra din l-applikazzjoni għall-iżvilupp, kien hemm il-Kunsill Lokali tal-Qala, fejn meta kien immexxi minn Amministrazzjoni tal-Partit Nazzjonalista, f’Novembru tal-2002, kien organizza referendum konsultattiv fost il-Qalin fejn 84.5% tar-residenti tal-Qala kienu vvutaw kontra dan il-proġett propost għall-bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien, liema referendum kellu l-appoġġ tal-Ministru tal-Ġustizzja u tal-Kunsilli Lokali, fil-Gvern Nazzjonalista ta’ dan iż-żmien, Austin Gatt.
Minn hemm bdiet battalja twila ta’ 21 sena, fejn flimkien mal-Kunsill Lokali tal-Qala, dak iż-żmien b’maġġoranza Nazzjonalista, ingħaqdu f’din l-oppożizzjoni kontra dan il-proġett għadd ta’ għaqdiet ambjentali u anke entitajiet oħra bħall-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent. Din l-applikazzjoni ġiet finalment irrifjutata f’Awwissu li għadda wara proċess twil ta’ appelli.
Ladarba issa din l-applikazzjoni giet irrifjutata, il-Partit Nazzjonalista u anke l-Kunsill Lokali tal-Qala qed jinsistu li din iz-zona ta’ Ħondoq ir-Rummien għandha tingħata lill-pubbliku billi tkun elevata fil-grad ta’ park nazzjonali, biex b’hekk verament dan l-ambejnt naturali jkun imħares.
Dan ikun jista’ jsir wara li l-Gvern jesproprja u jakkwista din l-art mingħand is-sidien privati. Skont stqarrija tal-istess Kunsill Lokali tal-Qala li nħarġet reċentament, din it-talba biex din l-art tiġi esproprjata saret b’mod uffiċjali lill-Prim Ministru ta’ Malta Robert Abela nhar it-Tnejn, 28 ta’ Awwissu tal-2023, liema talba jidher li sa issa qed tiġi injorata.
Għalkemm il-Prim Ministru Robert Abela reċentament żar il-bajja ta’ Ħondoq, u anke waqt li din il-ġimgħa semma dan il-każ waqt ir-replika tiegħu, naqas milli jikkommetti li l-Gvern Laburista tal-ġurnata kien se jesproprja u jakkwista din iz-zona u jagħmilha park nazzjonali.
Robert Abela stqarr biss li skont il-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista, hu kien marbut biss li jassigura li din iz-zona tkun imħarsa u ma tkunx żviluppata.
Sal-lum, l-art kollha ta’ Ħondoq ir-Rummien, għajr il-parti fejn hemm ir-ramel u l-moll, hija kollha art privata. Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista u l-Kunsill Lokali Laburista tal-Qala qegħdin ikomplu jinsistu li biex jiġi żgurat li qatt ma jkun hemm riskju ta’ xi applikazzjoni għal żvilupp ieħor f’din iz-zona, din l-art għandha tgħaddi f’idejn il-Gvern u ssir art pubblika biex tkun tista’ titgawda minn kulħadd.
//= $special ?>