L-iżviluppi tal-aħħar ġimgħat u dawk li mistennija jissoktaw iseħħu fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin sa Ġunju li ġej, qegħdin iħassbu bil-kbir lil Robert Abela hekk kif qiegħda tikber l-għajta interna fil-Kabinett, fil-Grupp Parlamentari u fil-Partit Laburista li l-istess Robert Abela falla milli jilħaq il-miri tiegħu li jsaħħaħ il-Gvern u lill-Partit Laburista.
Għajta li qed tinfirex ukoll fost id-delegati u l-partitarji Laburisti li wara l-elezzjoni ta’ Ġunju li ġej il-Partit Laburista għandu bżonn ta’ tmexxija ġdida u li idealment din għandha tingħata f’idejn Ian Borg u Chris Fearne rispettivament.
Skont dawk li qegħdin imexxu din l-għajta, kemm Ian Borg u anki Chris Fearne huma “doers” u ideali għall-Gvern Laburista u l-Partit Laburista f’dan il-mument partikulari ta’ kriżi kbira fejn in-nixxiegħa ta’ telf ta’ voti hi kostanti u kbira.
Kollox jindika li l-Eks Ewroparlamentari Miriam Dalli – wara dak kollu li ġara fis-sajf li għadda – tilfet il-momentum li kienet riekba fuqu. Il-ħsara li saritilha hi kbira ħafna u probabbilment hi fatali għall-pjani li kellha dwar l-ambizzjonijiet tagħha… għalkemm jidher li ma rmietx ix-xugaman u t-telefonati u l-laqgħat mad-delegati Laburisti baqgħu jifformaw parti mill-itenerarju tagħha.
Jistudja kollox b’attenzjoni l-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana li jiftaħar hu li antitesi għall-kollegi tiegħu… jgħid li hu nadif u korrett kif jiġġestixxi d-dekasteru tiegħu.
Fuq livell kompletament differenti josserva l-Ewroparlamentari Alex Agius Saliba li hu ferm popolari mad-delegati Laburisti… li jarawh baħbuħ u minn tagħna… għalkemm il-ġlieda li dan l-aħħar għamel lin-negozjanti u lill-importaturi xejn ma niżlet tajjeb.
Fl-isfond ta’ dan ix-xenarju kollu, jidher li kemm Robert Abela u anki ta’ madwaru mhumiex lesti li jarmu x-xugaman kif ġieb u laħaq. U hawnhekk se tkun qiegħda tilgħab rwol importanti l-familja Muscat – Joseph u Michelle – li bla dubju ta’ xejn li se tkun qiegħda tfittex ċerti assigurazzjonijiet qabel twiegħed xi forma ta’ appoġġ.
//= $special ?>