Shardian Camilleri ta’ 30 sena residenti Ħaż-Żabbar u Dominic Oziegbe ta’ 39 sena, Niġenrjan li joqgħod Marsaskala ġew ikkundannati sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li ammettew li matul il-ljel tas-Sibt qaċċtu cables tal-fiber optic tar-ramm, propjeta’ tal-kumpanija GO minn mina taħt l-art fil-Floriana biex jisiruqhom.
B’rabta mal-istess każ, tressaq ukoll David Scicluna ta’ 39 sena u li joqgħod Marsaskala fejn skont il-prosekuzzjoni, kien huwa beda jġorr il-cables. Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi u baqa’ miżmum taħt arrest. Scicluna ġie akkużat ukoll li hu riċediv.
Il-Maġistrat Kevan Azzopardi, sema’ lill-prosekuzzjoni tispjega li l-Pulizija rċeviet rapport mill-kumpanija GO dwar ħsarat fil-mini taħt Ġnien l-Argotti fejn numru ta’ resident fil-Floriana u l-Belt spiċċaw mingħajr servizz ta’ internet u televiżjoni minħabba t-tqaċċit tal-cables.
Ingħad li l-Pulizija marret fuq il-post u sabet lill-irġiel b’għodda u libsin ilbies protettiv. L-uffiċjali tal-Pulizija sabu cables imremblin u basktijiet li l-irġiel ħadu magħhom biex jitfgħu l-cables fihom. Ħareġ, li l-ispejjeż ilaħħqu l-€4,500.
Iż-żewġ irġiel, li ntqal ippruvaw jistaħbew fil-mini, ammettew l-akkużi kollha miġhubin kontrihom. Minbarra s-sentenza sospiża, il-Maġistrat ordna lil Camilleri u lil Oziegbe jħallsu €100 fix-xahar fi ħlas lura għall-ħsarat lill-GO.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Brandon Bonnici mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, u mill-Ispetturi Jeffrey Rizzo u Daryl Borg. Għal Scicluna dehret l-Avukat Roberta Bonello Felice, filwaqt li għal Camilleri u Oziegbe deher l-Avukat tal-għajnuna legali Luke Valletta.
//= $special ?>