Formula 1 Sport

Verstappen jirbaħ il-Grand Prix ta’ Las Vegas

(Ritratt: EPA)

Is-sewwieq Olandiż ta’ Red Bull Max Verstappen għeleb l-isfida tal-5 sekondi penelazzjoni li rċieva matul it-tellieqa biex daħal fl-ewwel post fil-Grand Prix ta’ Las Vegas.

Din hija l-ewwel rebħa tiegħu f’din it-trakka, f’waħda mill-iktar tiġrijiet eċitanti tal-istaġun fejn rajna taqtigħa bejn Verstappen, sieħbu tal-istess tim Perez u Leclerc matul it-tellieqa kollha għal min se jispiċċa fl-ewwel post.

Kien Charles Leclerc ta’ Ferrari li temm fit-tieni post wara l-kwalifikazzjoni stupenda li kellu, segwit minn Sergio Perez ta’ Red Bull li jkun l-aħħar sewwieq li jispiċċa fuq il-podium.

Prestazzjoni mill-aqwa mis-sewwieq ta’ Alpine Esteban Ocon hekk kif spiċċa fir-raba’ post, filwaqt li Lance Stroll ta’ Aston Martin daħal fil-ħames post.

Fis-sitt u seba’ post rispettivament temmew Carlos Sainz ta’ Ferrari u l-veteran Lewis Hamilton ta’ Mercedes. Sieħbu tal-istess tim George Russell spiċċa fit-tmien post, b’ Fernando Alonso jkun dak li jispiċċa fid-disa’ post.

L-aħħar sewwieq li temm mal-ewwel għaxra kien Oscar Piastri ta’ McLaren, f’ ġurnata xejn memorabbli għat-tim tiegħu hekk kif sieħbu tal-istess skwadra Lando Norris ma temmx it-tellieqa.

Flimkien ma’ Norris, Yuki Tsunoda ta’ AlphaTauri u Nico Hulkenberg ta’ Haas ukoll ma spiċċawx it-tellieqa.