Lokali

Xahrejn mill-ftuħ ta’ sena skolastika ġdida u tfal għadhom mingħajr it-tablet

Wasalna f’nofs Novembru u l-istudenti tar-raba’ sena tal-iskejjel primarji għadhom ma ngħatalhomx it-tablet li normalment jingħata lilhom fil-bidu tas-sena skolastika.

L-iskejjel għadhom ma rċeveew l-ebda korrispondenza mid-Direttoratt tad-Digital Literacy fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni.

Normalment, l-iskejjel jibdew jirċievu dawn it-tablets f’nofs Ottubru. Tajjeb li niftakru li dan il-proġett beda fis-sena 2016 permezz ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea taħt il-fond tal- European Union European Social Fund (ESF).

Dan il-fond hu: Operational Programme II – European Structural and Investment Funds 2014-2020 u jgħid: “Investing in human capital to create more opportunities and promote the well-being of society.”

Dan hu proġett parzjalment finanzjat mill-European Union European Social Fund (ESF) u l-kofinanzjament isir bir-rata ta’ 80% mill-fondi tal-Unjoni Ewropea u l-20% fil-mija l-oħrajn mill-fondi nazzjonali.

Tul dawn l-aħħar snin, l-edukaturi tar-raba’, il-ħames u s-sitt sena ppreparaw l-iskemi tax-xogħol tagħhom u għamlu ħililthom biex isir l-aħjar użu ta’ din l-għodda important għat-tagħlim.

Fis-sena 2021, l-għalliema bidlu skemi tax-xogħol biex isegwu tajjeb l-introduzzjoni ta’ sillabu ġdid li jinkorpora fih il-Kisbiet mit-Tagħlim tal-Ħiliet. Il-kriterji tal-assessjar kontinwu jitlob mill-għalliem li juża modi differenti li jmorru ’l bogħod minn testijiet li kienu mdorrijin bihom għal ħafna snin.

It-tablet hu għodda importanti biex kemm it-tagħlim u kemm l-assessjar isir b’mod iktar effiċjenti. Il-ġenerazzjoni ta’ dawn l-istudenti tal-primarja jafu tajjeb sew li twieldu u trawmu bl-użu tat-teknoloġija moderna.

Qabel ma tibda s-sena skolastika, l-għalliema jkunu diġà ppreparaw l-iskemi tax-xogħol tagħhom għal sena skolastika sħiħa u dan ifisser li jkunu għamlu referenzi biex jintuża tablet fil-lezzjonijiet ta’ suġġetti differenti. Dan l-aħħar xahar l-għalliema tar-raba’ sena kellhom jibdlu l-pjanijiet tagħhom għax l-istudenti ma għandhomx f’idejhom it-tablets.

Matul l-ewwel term skolastiku, l-għalliema jippjanaw mill-inqas ħarġa edukattiva li fiha jkun hemm l-użu tat-tablet biex jirrekordjaw l-evidenza ta’ tagħlim kemm f’format ta’ ritratti, vidjows u jimlew dokumenti li huwa parti mill-assessjar kontinwu ta’ diversi suġġetti fosthom l-Istudju Soċjali, Matematika u Xjenza. S’issa dan ma jistax isir mill-istudenti tar-raba’ sena.

Dan in-nuqqas tat-tablet fil-klassijiet affettwa wkoll it-tip ta’ xogħol tad-dar li jingħata. Xogħol għad-dar li kien isir permezz tat-tablet kellu jinbidel u jibda jsir bil-metodi l-antiki ta’ kitba fuq il-pitazzi.

Dan ifisser li l-għalliema kellhom jieħdu xogħol doppju biex jaqilbu r-riżorsi li kienu ppreparaw. Ħafna studenti jsibuha iżjed faċli li jużaw t-tablet biex ilestu ċertu xogħol tad-dar. Uħud mill-għalliema jużaw it-tablet biex jinkoraġġixxu lill-istudenti jtejbu l-qari tagħhom kemm bil-lingwa Maltija u dik Ingliża.

Il-Learning Support Assistants jużaw t-tablet biex jippreparaw attivitajiet adatati għall-istudenti tagħhom biex jaċċessaw it-tagħlim aħjar.

Tajjeb li jingħad ukoll li matul il-ħin ta’ rikreazzjoni, l-istudenti jattendu numru ta’ clubs li fihom jintuża t-tablet. Uħud minnhom jibdew jippreraw biex jieħdu sehem f’kompetizzjonijiet nazzjonali u internazzjonali. Il-fatt li t-tablets għadhom ma tqassmux qed jikkawża numru ta’ problemi.

Fl-isfond ta’ dan ix-xenarju kollu l-edukaturi qegħdin jagħmlu għadd ta’ mistoqsijiet, fosthom:

Għalfejn għadha ma saret l-ebda komunikazzjoni mal-iskejjel primarji dwar id-data li fiha se jitqassmu dawn it-tablets?

Għalfejn għadha ma ntbagħtet l-ebda komunikazzjoni għall-ġenituri biex jattendu għal-laqgħat ta’ informazzjoni?

Għaliex l-iskejjel għadhom ma rċevewx il-formola diġitali AUP li l-ġenituri jiffirmaw b’mod obbligatorju qabel mat-tfal jirċievu t-tablets?