Lokali

1,790 post vakanti għall-istudenti fl-Iskejjel tal-Knisja f’Malta u f’Għawdex fl-2024

Ir-regolamenti għad-Dħul fl-Iskejjel tal-Knisja f’Malta u f’Għawdex għas-sena skolastika 2024-2025 jinsabu fuq il-websajt tal-Arċidjoċesi ta’ Malta knisja.mt.

B’kollox hemm 1,790 post vakanti għall-istudenti (1,538 f’Malta u 252 f’Għawdex). L-applikazzjonijiet se jsiru kollha online. L-applikazzjonijiet tal-‘Ewwel Kriterju’ għal Malta u Għawdex se jintlaqgħu bejn il-21 u t-30 ta’ Novembru 2023.

L-‘Applikazzjoni Tard’ se jintlaqgħu bejn is-7 u l-14 ta’ Diċembru. L-applikazzjonijiet ta’ ‘Applikanti l-Oħra’ jintlaqgħu bejn l-1 u l-14 ta’ Frar 2024. Il-lista tad-dokumenti meħtieġa, il-ġranet meta wieħed għandu
japplika u dettalji oħra huma mniżżla fir-regolamenti.

Il-proċess tad-dħul fl-iskejjel tal-Knisja f’Malta jiddetermina d-dħul fl-ewwel u t-tieni sena kindergarten, fl-ewwel sena primarja u fl-ewwel sena sekondarja.

L-applikazzjonijiet tal-‘Ewwel Kriterju’ f’Malta jinkludu tfal li huma fi djar tal-Knisja, tfal tal-impjegati tal-iskejjel tal-Knisja u tas-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija, aħwa li jistgħu jinkitbu fl-istess skola ta’ ħuthom, transfers bejn skejjel tal-istess entità reliġjuża, u tfal li qegħdin fi skejjel tal-Knisja bla kontinwità.
Se jiġu allokati numru ta’ postijiet għal tfal li jaqgħu taħt il-kriterju ta’ każijiet serji u li għalihom hemm regolamenti speċifiċi.

Il-każijiet serji jinkludu tfal li għandhom jew se jkollhom bżonn l-għajnuna ta’ LSE, każijiet soċjali u każijiet ta’ tfal li qed ifittxu ażil. Il-każijiet serji jsegwu proċess parallel għall-applikazzjonijiet l-oħra.

Il-proċess tad-dħul fl-iskejjel tal-Knisja f’Għawdex jiddetermina d-dħul fl-ewwel sena kindergarten u fl-ewwel sena sekondarja. L-applikazzjonijiet tal-‘Ewwel Kriterju’ f’Għawdex jinkludu tfal li qegħdin fis-sitt sena primarja fl-iskejjel tal-Knisja f’Għawdex, tfal tal-impjegati tal-iskejjel tal-Knisja, aħwa li jistgħu jinkitbu fl-istess skola ta’ ħuthom, każijiet soċjali, każijiet ta’ tfal li qed ifittxu ażil, applikanti mill-Għasri, u applikanti għal St Francis Nadur Kindergarten. Dawn l-applikanti jistgħu jkunu kemm mainstream kif
ukoll bl-għajnuna ta’ LSE.


Għas-sena skolastika preżenti (2023-2024), is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija rċieva 3,742 applikazzjoni għal 1,755 post vakanti f’diversi livelli tad-dħul għal skejjel f’Malta. Għal darb’oħra, it-talba kienet aktar mid-doppju tal-postijiet disponibbli fl-iskejjel tal-Knisja f’Malta. Is-Segretarjat irċieva wkoll 335 applikazzjoni għal 255 post vakanti għall-iskejjel tal-Knisja f’Għawdex. Il-poloz u l-għażla tal-iskola saru online.