Lokali Qorti

Il-Qorti tiddikjara mhux libelluż l-artiklu tal-gazzetta “il-mument” illi kien jgħid li Alex Dalli daħħal mentalità ta’ biża’ u terrur fil-ħabs

Intervista ma’ eks priġunier li ddeskriva mal-ġurnal “Il-Mument” dwar kif l-eks direttur tal-ħabs Alex Dalli ftaħar li daħħal mentalità ta’ biża u terrur fil-Faċilità Korrettiva, u li din ħolqot atmosfera li kienet qed twassal lil għadd kbir ta’ priġunieri f’xifer disprament, ġiet ikkonfermata mill-Qorti bħala mhux libelluża.

Alex Dalli kien fetaħ kawżi ta’ libell għad-danni kontra Christine Amaira li kienet intervistat eks priġunier fuq il-ġurnal ta’ nhar ta’ Ħadd tant li xi whud ippruvaw itemmu ħajjithom b’idejhom. Ġie kkonfermat mill-Maġistrat Rachel Montebello li l-artiklu mhux libelluż u għaldaqastant ċaħdet talba għad-danni minn Dalli, bl-ispejjeż kollha.

L-artiklu kien ippubblikat fil-gazzetta Mument fid-29 ta’ Awwissu tal-2021. Dalli kien ukoll “ssospenda lilu nnifsu” mill-kariga wara każ ieħor ta’ suwiċidju fil-ħabs. Fil-fatt dan l-eks ħabsi kien qal fl-intervista li “jekk teħel taħt idejn is-Sur Dalli” jkollok inkwiet kbir. Kliemu preċiż kien “you’re done” jew magħmulha tiegħek.

Hu kien kellem ukoll dwar il-każ ta’ priġunier barrani li kien qed jistenna li jiġi estradit, meta darba ra lill-Kurunell Dalli għaddej u staqsih meta se jintbagħat lura pajjizu, Dalli infexx jgħajjat miegħu u jgħidlu biex jieqaf jistaqsi u li kemm idum hu Direttur tal-Ħabs, il-priġunier ma kien sejjer imkien.

Id-Direttur tal-ħabs, lil dan il-priġunier barrani, wissieh li mhux talli mhux se jintbagħat pajjizu, talli kien se jibqa’ l-ħabs u kien se jmut hemm. Wara din il-kontroversji kollha, Dalli spiċċa l-kariga formalment biss wara li l-gvern tah kariga ġdida li ssarraf f’aktar minn €130,000 fis-sena f’salarju u benefiċċji, bħala rappreżentant speċjali ta’ Malta fil-Libja.

Però ħassu urtat mir-rappurtaġġ tal-Mument, li skont hu kellu allegazzjonijiet foloz u malafamanti, u fetah kawża kontra l-ġurnalista Christine Amaira u l-editur Alex Attard. Amaira u Attard kienu insistew li l-artiklu ma kellu l-ebda allegazzjoni falza, li l-pubblikazzjoni tiegħu kienet ta’ interess pubbliku,

Fil-qorti, Dalli lmenta li kien safa fil-mira ta’ “attakki ripetuti fil-midja”. Insista li kien iġorr arma tan-nar biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali, u enfasizza li kien hemm numru ta’ priġunieri meqjusa ta’ riskju għoli. F’kawża simili li kienet saret kontra l-ġurnal “Illum” , li Dalli wkoll kien tilef, eks-uffiċjal tal-ħabs – li tkeċċa minn Dalli – kien xehed li Dalli kien għamel theddid bl-arma tiegħu, inkluż inċident fejn ħareġ il-pistola u qal lil priġunier “jekk ma toqgħodx sew naħliha fuqek.”

Dan kien xehed ukoll fuq inċident li seħħ fl-2018, fejn Dalli għamel il-pistola ma’ ras priġuniera mara li bdiet tgħajjat meta rat lilu u uffiċjali oħra bit-tarek u l-lembubi resqin lejha. L-intervista tal-ġurnalista Amaira ġie meqjus li għandu interess pubbliku, u li ma kienx libelluż, bl-ispejjeż kollha jkollhom jitħallsu minn Dalli. Għall-“Mument” deheru l-Avukati Peter Fenech u Amy Zahra.