Ninsabu biss ftit ġimgħat ‘il bogħod mill-Milied fejn ħafna jibdew jippreparaw għax-xiri ta’ rigali għal dawk l-iktar għeżież għalihom. Dan ix-xiri normalment isir fi Black Friday fejn ħafna igawdu minn skontijiet fil-prezzijiet.
Black Friday din is-sena se jkun qed jiġi fl-24 ta’ Novembru, b’uħud minn negozji jagħżlu li jagħmlu skont fuq ġurnata waħda biss, u oħrajn jagħmlu skont fuq ġimgħa jew saħansitra xahar sħiħ.
Fl-aħħar snin rajna diversi rapporti ta’ negozji li kienu qed iqarqu bil-konsumatur billi jagħmlu roħs fittizju. Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret mill-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji ntqal kif dan huwa illegali, anke waqt Black Friday. Fil-fatt, in-negozji kollha għandhom dejjem jagħtu informazzjoni ċara bla ebda qerq, bil-kosumatur jibqa’ jibbenefika mid-drittijiet legali kollha.
Fid-diskors tiegħu, il-President tal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji, Paul Abela qal kif l-inflazzjoni qed taffetwa lil kull individwu, b’mod speċjali lil dawk bl-inqas dħul, u b’hekk Black Friday jagħti ċ-ċans li wieħed jiffranka minn fuq xirjiet ta’ rigali.
Għat-tieni sena konsekuttiva, l-SMEs qed tnedi sit għal dan il-jum bl-isem ta’ blackfridaymalta.eu f’għajnuna kemm lin-negozji u anke lill-kosumatur, kif tispjegalna aħjar il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji, Abigail Agius Mamo.
Dan is-sit ma jurix biss liema ħwienet għandhom offerti speċjali, x’persentaġġ ta’ skont qed joffru, iż-żmien meta se jkunu qed joffru l-iskont u jekk joffrux delivery, fost oħrajn. Iżda dan is-sit joffri wkoll iċ-ċans li wieħed jirbaħ diversi vouchers minn negozji f’setturi varji, bis-sehem ta’ iktar minn 500 ħanut u madwar 170 negozju fost iktar minn 25 settur.
//= $special ?>