Lokali

Erba’ snin mill-arrest tan-negozjant Yorgen Fenech

20 ta’ Novembru – il-ġurnata li timmarka 4 snin minn meta Yorgen Fenech kien arrestat fil-Yatch Marina ta’ Portomaso. Fenech, sid il-kumpanija 17 Black, l-istess kumpanija li kienet kixfet il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, u li allegatament kellha rabtiet mal-kumpaniji fil-Panama ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi.

Kienet l-għodwa tal-Erbgħa filgħodu – sigħat biss wara li Melvin Theuma, ix-xufier tat-taxi u l-istess wieħed li kien ingħata impjieg fantażma minn Kastilja – kien ingħata l-proklama sabiex jikxef l-ismijiet b’rabta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Kien dan il-bidu tat-tmiem għat-tmexxija ta’ Joseph Muscat; il-bidu ta’ protesti kontinwi quddiem il-Berġa ta’ Kastilja, quddiem il-Parlament u quddiem il-Qorti  – protesti biex Joseph Muscat u sħabu jirriżenjaw, jerfgħu r-responsabbiltà u ssir ġustizzja.

4 snin wara, l-eżekuturi tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia – Alfred Degiorgio, George Degiorgio u Vincent Muscat ammettew il-ħtija. Madanakollu Yorgen Fenech, li huwa implikat bl-involviment tiegħu f’dan il-qtil, sal-lum għadu qed jisħaq li hu mhux il-moħħ wara dan l-att makabru. U sal-lum il-pajjiż għadu qed jistenna r-risposti – tant li l-għajta għal ġustizzja u l-verità tibqa’ waħda unanima.

Intant Net News it-Tnejn waranofsinhar staqsa lil uħud mill-Membri Parlamentari Laburisti jekk jaħsbux li kellhom isiru aktar arresti b’rabta max-xhieda li ħarġu minn dan il-każ.

Fl-aħħar xhur u snin fost oħrajn smajna bl-involviment ta’ diversi persuni mix-xhieda preżentata fil-Qorti fost oħrajn allegat frame up fuq sekondi persuni, u allegata korruzzjoni rampanti li setgħet kienet l-mottiv wara dan l-assassinju makabru.