Lokali

“Fid-dmir tagħna li nħarsu d-drittijiet tat-tfal u li noffrulhom ambjent san u xieraq” – PN

X’ambjent ħallejnilhom lit-tfal tagħna? Xi kwalità ta’ ħajja fil-familja għandhom it-tfal meta l-ġenituri ma jistgħux ilaħħqu mal-ħajja u allura dejjem xogħol? It-tfal tagħna għad għandhom post u ħin għal-logħob?

Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tat-Tfal, fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet tat-Tfal, Graziella Attard Previ f’isem il-Partit Nazzjonalista ntqal li dan il-jum kien ġie stabbilit fl-1954 u li wieħed tajjeb jiftakar l-għan li jitjieb is-sostenn tat-tfal.

Illum, f’pajjiżna dan l-iskop għadu tant relevanti. F’dan il-Jum għandna nieqfu u nirriflettu dwar il-kwalità ta’ ħajja li uliedna qed igawdu.

Sfortunatament, l-ambjent naturali Malti kif ukoll dak urban ikunu mhedda kontinwament, kif anke rajna fl-aħħar ġranet. It-tfal tagħna għandhom dritt għal ambjent san u ‘l bogħod mill-perikli u l-abbuż, u għalhekk, aħna fid-dmir li nħarsu lil uliedna.

F’dan il-Jum ma nistgħux ma nsemmux id-dritt għall-edukazzjoni u ma’ dan norbtu għalliema tajbin, imħeġġa u kommessi lejn il-professjoni tagħhom. Għaldaqstant, nittamaw li l-kwistjonijiet preżenti f’dan il-qasam ikunu riżolti malajr kemm jista’ jkun biex it-tfal tagħna jgawdu l-aħjar edukazzjoni.  

Il-Partit Nazzjonalista jawgura jum sabiħ lit-tfal kollha u li t-tfulija taghhom tkun żmien sabiħ, filwaqt li jappella lill-Gvern biex ixammar il-kmiem u jaħdem aktar fl-interess tat-tfal billi l-ħarsien tagħhom jagħtih prijorità.