Lokali Qorti

L-GħSL u l-PN jippreżentaw abbozz ta’ liġi li jagħti aktar drittijiet liċ-ċittadini

It-Tnejn filgħodu l-Kelliem għall-Ġustizzja Karol Aquilina flimkien mal-Għaqda Studenti tal-Liġi ippreżentaw abbozz ta’ liġi li ser jirriforma u jikkonsolida l-liġi Maltija dwar stħarriġ ġudizzjarju (judicial review) ta’ atti amministrattivi, leġislattivi u ġudizzjarji.

B’dan l-abbozz ta’ liġi ser:

Tiġi aġġornata l-liġi u tkun waħda aktar ċara.

Jingħataw aktar drittijiet liċ-ċittadini u protezzjoni akbar kontra l-abbuż ta’ poter.

Iżżomm lill-Gvern u lill-awtoritajiet aktar responsabbli u kontabbli lejn iċ-ċittadini.

Jissaħħu jdejn il-Qrati biex jagħmlu ġustizzja.

Jissaħħaħ ir-rwol tal-Ombudsman.

Tissaħħaħ is-saltna tad-dritt f’pajjiżna.

Il-Kelliem għall-Ġustizzja Karol Aquilina u l-President tal-Għaqda Studenti tal-Liġi (GħSL), Andrew Drago, spjegaw li l-abbozz ta’ liġi ser jagħmel numru ta’ bidliet importanti fil-liġi Maltija fosthom:

Bl-abbozz ta’ liġi ser ikun biżżejjed li persuna jkollha biss “interess suffiċjenti” li mhux bilfors ikun “interess ġuridiku” (f’każ ta’ atti amministrattivi u ġudizzjarji).

Bl-abbozz ta’ liġi kulħadd jista’ jibda każ ta’ stħarriġ ta’ atti leġislattivi (per eżempju jattakka l-validità ta’ Avviż Legali).

Minflok sitt xhur persuna ser ikollha sentejn biex tagħmel kawża għal stħarriġ ġudizzjarju.

Il-perijodu ta’ preskrizzjoni ta’ sentejn ser ikun wieħed li jista’ jiġi interrott (mhux żmien ta’ dekadenza).

Il-perijodu ta’ sentejn ser ikun jgħodd ukoll għal deċiżjonijiet meħuda mill-Avukat Ġenerali (bħalissa huwa ta’ xahrejn biss).

Jekk persuna jkollha każ quddiem l-Ombudsman il-perijodu ta’ sentejn jiġi sospiż sakemm l-Ombudsman jiddeċiedi l-każ.

Definizzjoni aktar wiesgħa ta’ awtorità pubblika biex tinkludi l-Forzi Armati ta’ Malta u kull korp ieħor li jaqdi funzjoni pubblika.

Il-Kelliem għall-Ġustizzja Karol Aquilina rringrazzja lill-Għaqda Studenti tal-Liġi għall-inizjattiva tagħhom u wera ruħu fiduċjuż li fil-futur ser ikun hemm aktar okkażjonijiet ta’ kooperazzjoni bejn il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista u l-Għaqda Studenti tal-Liġi.

Preżenti għall-preżentazzjoni tal-abbozz ta’ liġi kien hemm ukoll il-Whip tal-Grupp Parlamentari, Robert Cutajar, kif ukoll il-Viċi President tal-GħSl, Laura Chetcuti Dimech.