Sport Sport Ieħor

Ibburdjar: Riżultati mill-aqwa mill-aħwa Schultheis fil-Kampjonati Ewropej 49er/49erFX f’Vilamoura

Antonia, Victoria, u Richard aħwa Schultheis, atleti tar-Royal Malta Yacht Club komplew jiksbu riżultati pożittivi fil-Kampjonati Ewropej f’Vilamoura, il-Portugall.

Wara sitt ijiem f’kundiżżjonijet ta’ riħ ħafif, il-Kampjonati Ewropej 49er / 49erFX għalqu b’żewġ podji għar-rappreżentanti Maltin.

Wara tlett ijiem ta’ kwalifikazzjoni fil-49erFX Antonia u Victoria Schultheis daħlu fil-finali fejn temmew fit-tieni post tal-Flotta Silver . Minħabba nuqqas ta’ riħ saru biss tliet tiġrijiet oħra fl-aħħar fażi, bl-aħwa jiksbu l-ewwel post fil-Flotta Silver.

Fil-Klassi 49er Richard Schultheis u Youenn Bertin saħħew posthom fost l-aqwa 25 tim fil-flotta Gold fl-ewwel seba’ tiġrijiet fost 90 tim fil-kompetizzjoni. Huma ħadu sehem f’ħames tiġrijiet oħra fis-serje finali, fejn fil-klassifika ġenerali temmew fis-17-il post.

Wara l-midalja tal-fidda fil-Junior Worlds ftit ġimgħat ilu rnexxielhom jirrepetu r-riżultat fil-Junior Europeans, parti mill-Kampjonati Ewropej 49er.

Il-Kampjonati Ewropej 49er/49erFX kienu l-aħħar regatta internazzjonali għal din is-sena u se jkunu segwiti mill-Kampjonati tad-Dinja 49er/49erFX f’Lanzarote, ESP f’Marzu 2024.

L-attenzjoni issa ddur fuq il-Logħob Olimpiku Parigi 2024, fejn l-aħħar opportunità biex Antonia u Victoria jikkwalifikaw għall-Olympiad hija r-Regatta ta’ Hyeres, fi Franza f’April 2024.