Lokali

Il-Belt Valletta se tilbes il-libsa tal-festi

Il-Belt kapitali se tkun qed timtela’ ħajja għall-aħħar xahar tas-sena sabiex il-Maltin u l-Għawdxin jiċċelebraw il-Milied u bidu ta’ sena ġdida fil-qalba ta’ pajjiżna.

B’kollox se jkunu qed isiru mad-29 attività u attrazzjoni fuq medda ta’ xahar b’diversi gruppi u kantanti li se joffru spettaklu – fosthom The Travellers, Ira Losco u KorMalta. Dan apparti t-tiżjin u d-dwal li se jkunu qed jixgħelu l-Belt Valletta – partikolarment l-aktar toroq ewlenin.

Fost it-tiżjin li se jsir din is-sena se jkun hemm is-siġra tal-Milied u l-presepju artistiku biswit id-daħla tal-Konkatidral ta’ San Ġwann.

U ma jistax jonqos li bħalma jsir ta’ kull sena tittella’ l-purċissjoni tradizzjonali tal-Milied bix-xbiegħa ta’ Ġesù Bambin; purċissjoni li kienet inbdiet minn San Ġorġ Preca u li ssir f’diversi irħula.

Fil-kapitali se jkunu organizzati attivitajiet għall-familja kollha matul żmien il-festi, fejn fost l-oħrajn se jkun hemm workshops għat-tfal fil-Valletta Design Cluster, street animators u żfin minn Dancel Dance Studio.

Il-programm t’attivitajiet se jkun qed jiftaħ fil-25 ta’ Novembru u jibqa’ għaddej sal-31 ta’ Diċembru, bil-qofol tal-attivitajiet jintlaħqu propju fl-aħħar ġimgħa.

Fil-fatt, l-akbar avveniment matul dawn il-jiem se jkun qed isir fi Pjazza San Ġorġ għal dawk kollha preżenti biex jiċċelebraw flimkien bidu ta’ sena ġdida.