Il-gwerra madwar l-isptarijiet ta’ Gaza qed tintensifika waqt li l-Armata Iżraeljana qed tagħmel li tista’ biex telimina lill-elementi tal-grupp Ħamas li biddlu l-kumplessi mediċi f’bażijiet għal azzjonijiet terroristiċi.
Madankollu, fl-aħħar sigħat spikka wkoll l-element uman fost rapporti li madwar 30 tarbija li twieldu fl-isptar ta’ Al-Shifa spiċċaw evakwati mill-Belt ta’ Gaza u meħuda lejn l-Eġittu fejn jinsabu qawwijin u sħaħ. L-aħħar rapporti qalu li t-trabi – li għal ftit ma żdiedux mal-vittmi tal-gwerra – kienu qed ikunu trasferiti lejn l-isptarijiet ta’ dan il-pajjiż għall-evalazzjoni medika.
Intant, il-gwerra qed tolqot lill-isptarijiet l-oħra f’Gaza, bl-awtoritajiet tal-Ħamas fit-territorju jsostnu li l-ajruplani tal-Iżraeljani konċentraw l-attakki fuq kumpless li kien iffinanzjat mill-Indoneżja u fejn allegatament inqatlu ‘il fuq minn 12-il persuna.
Il-Gvern Indoneżjan ikkundanna l-allegat attakk u f’ħin meta t-tankijiet tal-gwerra ta’ Iżrael kienu qed javviċinaw is-sit ta’ dan l-isptar magħruf bżala ‘l-Isptar Indoneżjan’ wara li twaqqaf fl-2016 grazzi għall-finanzjaent mill-organizzazzjonijiet fl-Indoneżja.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Indoneżja, Retno Marsudi, ikkundannat il-fatt li l-gwerra qed tikkonċentra fuq l-isptarijiet u sostniet li dan hu abbuż ċar tal-liġijiet umanitarji. Hi appellat biex l-pajjiżi kollha, speċjalment il-pajjiżi li għandhom relazzjonijiet sodi ma’ Iżrael, jużaw l-influwenza tagħhom biex jipperswadu lill-Gvern tal-Prim Ministru Benjamin Netanyahu biex ma jippermettix l-atroċitajiet fil-konfront taċ-ċivili.
Madankollu, Iżrael, filwaqt li ma kkummentax, qal li qiegħed jattakka lill-gruppi tat-terroristi tal-Ħamas u li l-Palestinjani, fil-verità, huma wkoll vittmi tal-istess terroristi li qed jissagrifikawlhom ħajjithom mingħajr l-ebda traċċi ta’ umanità. Għaldaqstant, l-Iżraeljani enfasizzaw mill-ġdid li huma, f’din il-gwerra, qed jimmiraw għat-terroristi u l-infrastruttura tagħhom f’Gaza li qed tintuża għall-azzjonjiet qattiela.
Iżrael anki preżenta provi ġodda li l-Ħamas qed jużaw l-isptarijiet ta’ Gaza għal skopijiet ta’ gwerra u biex iferrxu t-terrur. Dan permezz ta’ filmati ġodda li qegħdin juru parti min-network ta’ mini taħt l-art tal-isptar ta’ Al-Shifa.
Il-filmat kompla jixħet dawl fuq l-aġir tal-Ħamas, bil-kelliema għall-Armata Iżraeljana jgħidu li s-suldati tagħhom fit-taqsima tal-in-patient kienu sabu trakk mimli bl-isplussivi f’sezzjoni fejn suppost kien hemm il-provvisti mediċi. U ladarba huma qerdu dan it-trakk bi splużjoni kontrollata, l-isplużjoni żvelat mina taħt l-art tal-garaxx li tifforma parti mill-hekk-imsejjaħ ‘labirint tat-terrur’ tal-Ħamas.
//= $special ?>