Il-Ġappun ikkundanna l-ħtif ta’ bastiment tal-merkanzija mir-ribelli Houthi appoġġjati mill-Iran u li qed jikkontrollaw ħafna territorji fil-Jemen.
Il-ħtif tal-bastiment tal-kumpannija Ġappuniża NYK seħħ fil-Baħar l-Aħmar u kelliema għall-milizzji Houthi insistew li l-bastiment hu reġistrat f’Iżrael u li l-ħtif hu biss ‘il-bidu ta’ gwerra fuq il-baħar’.
Iżrael ma tilifx ħin biex jiċħad kull konnessjoni mal-bastiment, bil-Gvern tal-Ġappun jinsab għaddej bin-negozjati mar-rappreżentanti tal-Houthi biex il-bastiment jitħalla jkompli bil-vjaġġ lejn l-Indja.
Il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu ikkonferma li mhemm l-ebda Iżraeljan fuq il-bastiment waqt li akkuża lill-Iran bħala ‘il-moħħ’ wara l-attakk fuq il-bastiment bl-isem Galaxy Leader.
L-ekwipaġġ tal-bastiment hu magħmul minn 25 baħri — fosthom Bulgari, Messikani, Filippini u Ukreni — u z-zona tal-ħtif hu indikat viċin ta’ Hodeida.
//= $special ?>