Ambjent Lokali

Il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ “allarmat” bit-tqaċċit tas-siġar fil-Mosta

“Gżira tal-konkrit” – kien b’dan il-mod illi ġiet deskritta s-sitwazzjoni preżenti tal-ambjent f’pajjiżna, hekk kif il-KNŻ wera t-taħssib tiegħu dwar it-tqaċċit tas-siġar li seħħ il-ġimgħa li għaddiet fil-Mosta.

Il-Kunsill taż-Żgħażagħ spjega kif siġar maturi – bħal dawk tal-ficus – qatt ma jistgħu jiġu sostitwiti b’siġar oħra. Dan għaliex il-ficus ma joffrux biss sbuħija estetika, iżda element ambjentali li joffri habitat uniku għall-għasafar – element li issa ġie meqrud kompletament għaliex il-friegħi tneħħew kollha.

Iż-żgħażagħ spjegaw li bħala għassiesa tal-ambjent huwa dmir tagħhom li jiskrutinaw kull deċiżjoni ta’ dan it-tip. Il-KNŻ qal ukoll li proġetti bħal dawn tal-Mosta jikkonfermaw il-frustrazzjoni li qed tinħass bħalissa fost il-poplu, hekk kif zoni ħodor qed jispiċċaw miksija siment.

Il-KNŻ insista li l-ERA għandha tibda tieħu deċiżjonijiet għall-aħjar interess tan-nies, u tal-komunità.