Ambjent Lokali

IL-QERDA TAS-SIĠAR: Il-Ministru jemmen li “qed nagħtu kwalità ta’ ħajja aħjar”

Propju fil-Jum Dinji tat-Tfal ġie preżentat qafas ta’ politika għat-tfal li se jkun mifrux bejn l-2024 u l-2030; qafas li l-għan tiegħu hu li jagħti futur aħjar għall-benesseri tat-tfal, għat-tisħiħ tal-parteċipazzjoni tagħhom fis-soċjetà u sabiex ikollhom ambjent aħjar.

U peress li din il-policy qed tiffoka anke fuq l-importanza li t-tfal ikollhom ambjent aħjar, Net News staqsa lill-Ministru għad-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon jekk iħossx li l-Gvern qed jgħamel l-aqwa sforz possibbli sabiex pajjiżna jkollu spazji ħodor – aktar u aktar wara li fl-aħħar ġimgħat rajna diversi każijiet fejn l-ambjent ma ingħatax prijorità. Bil-każ l-aktar riċenti jkun l-isfreġju tas-siġar illi seħħ fil-Mosta.

“Waħda mill-miri prinċipali u waħda mill-wegħdiet elettorali ewlenin hi preċiżament li nagħtu iktar spazji ħodor,” qal il-Ministru Falzon. “Żgur li dik hi xi ħaġa illi se tgħin biex it-tfal tagħna jkollhom ambjent aħjar.”

Paġna 82 tal-Manifest Elettorali Laburista kienet titkellem b’mod ċar dwar “ambjent għal kwalità ta’ ħajja aħjar”.

Bil-wiegħda 305 fl-istess manifest tkun li jitħawlu mal-100,000 siġra. Għalkemm fl-aħħar xhur rajna preċiżament l-oppost – il-qerda ta’ diversi siġar fil-lokalitajiet Maltin, inkluż fil-Mosta…fejn deċiżjoni tal-Kunsill Laburista u tal-ERA kienet se teqred siġar li mhux biss kienu isebħu l-pjazza iżda wkoll jagħtu  nifs f’zona urbana. Għalkemm, ironikament, il-Ministru għadu jemmen li l-Gvern qed jagħti kwalità ta’ ħajja aħjar lit-tfal u l-familji.

Kieku ma niżlux dawk iż-żgħażagħ fil-pjazza tal-Mosta, kieku dawk is-siġar inqerdu kompletament,” qal Net News lill-Ministru Falzon.
“Naħseb li diġa’ irrispondejt biżżejjed illi l-ambjent tat-tfal huwa ħolistiku u qed nagħtuhom kwalità ta’ ħajja aħjar,” qal il-Ministru Falzon.
“Ma taħsibx li din hi ironija, mhux nagħtu eżempju tajjeb lit-tfal, le?” staqsa Net News qabel il-Ministru Falzon ħareġ ‘il barra.

Intant, f’konferenza li saret it-Tnejn filgħodu, ġie imniedi qafas ta’ politika bil-wiegħda ta’ ħajja aħjar f’pajjiżna; qafas li jiffoka b’mod speċjali fuq it-tfal u l-futur tagħhom. Dan il-qafas jagħti importanza għall-esperjenzi pożittivi fit-tfulija li huma meqjusa kruċjali għat-tagħlim, l-imġiba u l-istil tal-ħajja futura ta’ persuna.

Dan il-qafas se jopera taħt erba’ prinċipji ewlenin. Jenfasizza l-importanza li jiġu mħarsa d-drittijiet tat-tfal, u jpoġġi l-aħjar interessi tat-tfal fuq quddiem nett tal-azzjonijiet kollha.

Il-policy hija maħsuba wkoll biex tippromwovi opportunitajiet indaqs, bil-għan li tagħti kwalità għolja f’diversi oqsma bħall-appoġġ soċjali, l-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa.