Beppe Fenech Adami, PN
Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal fil-parlament li r-riżoluzzjoni li ressqet Malta dwar pawsi fil-gwerra fil-Lvant Nofsani biex tiddaħħal għajnuna umanitarja f’Gaza jeħtieġ tkun implimentata.
Meta kien qed jitkellem fil-parlament wara stqarrija ministerjali dwar id-ditwazzjoni f’Gaza, Beppe Fenech Adami feraħ lill-Kummissjoni Permanenti fin-Nazzjonijiet Magħquda (UN) għar-Riżoluzzjoni 2712 dwar il-konflitt bejn Iżrael u l-Ħamas u sostna li f’dan il-mument diffiċli, toħroġ l-importanza tal-fatt li Malta għandha siġġu fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-UN.
Dan seħħ għaliex fl-2010, il-Gvern Nazzjonalista kien fehem li Malta setgħet tokkupa dan is-siġġu fl-2023 u għalhekk dak il-gvern ħataf l-opportutnità biex jibda l-proċess biex Malta llum għandha parti importanti f’din is-sitwazzjoni.
Hu saħaq fuq urġenza ta’ pawsi esteżi umanitarji biex il-partijiet kollha jifhmu l-importanza li jkunu salvati n-nies. Il-qtil ta’ dawk fil-kunflitt hu dejjem wisq, irrispettivament minn kemm ikun l-ammont, sostna Beppe Fenech Adami, li qal li l-kejl għandu jkun li fi gwerra ma jkunx hemm qtil u mewt ta’ nies ċivili.
Hu fakkar fil-Jum Internazzjonali tat-Tfal u appella għal pawsi mill-waqfien mill-ġlied biex f’Gaza tidħol l-għajnuna militari. Dwar il-pass li jmiss, Beppe Fenech Adami qal li hemm it-tama li din ir-riżoluzzjoni tkun segwita u ma tkunx bħal riżoluzzjonijiet oħra li ma jkunux segwiti.
It-triq għall-paċi hi l-ħolqien ta’ żewġ stati; bir-rikonoxximent tad-dritt li jeżisti l-Istat ta’ Iżrael. Il-Ħamas ma jistgħux ikunu l-parti li magħha jrid isir id-djalogu għaleix ma jaċċettawx dan il-fatt u għalhekk hi l-Awtorità Palestinjana, dik l-entità Palestinjana li magħha tista’ tiddjaloga. Anki Iżrael irid jiċċetta li l-poplu Palestinjan ikollu l-Istat Palestinjan, sostna Beppe Fenech Adami.
Id-deputa Nazzjonalista Mario de Marco qal li Iżrael m’aċċettax ir-riżoluzzjoni ta’ Malta u għalhekk ir-responsabbiltà internazzjonali għandha tkun ikbar biex twieġeb għal din is-sitwazzjoni. Hu qal li l-Palestinjani ilhom 70 sena maltrattati u umiljati u għalhekk Malta għandha tkompli bl-isforzi tagħha f’kull istituzzjoni internazzjonali. L-Istati Uniti għandha tagħmel iktar pressjoni fuq Iżrael, l-UE għandha titkellem iktar b’vuċi waħda u l-pajjiżi Għarab biex ikunu aktar effettivi, sostna Mario de Marco.
Fl-istqarrija ministerjali tiegħu l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg tkellem dwar ir-riżoluzzjoni li ressqet Malta fin-NU u qal li, minkejja l-improtanza ta’ din ir-riżoluzzjoni, il-gvern hu dispjaċut għall-fatt li jidher li din ir-riżoluzzjoni mhix se tkun imwettqa għaliex diġà hemm diplomatiċi li qed jsostnu li din ma tiswa xejn jekk ma tkunx implimentata.
Hu sostna li l-gvern Malti għandu kredibbità biex jinsisti fuq ir-rispett tal-komunità internazzjonali lejn is-saltna tad-dritt; aktar u aktar meta din hi riżoluzzjoni li titkellem fuq il-ħajja tat-tfal li huma innoċenti u bla ħtija. Il-Ministru Ian Borg qal li l-gvern Malti mhux se jatqa’ qalu u se jibqa’ jagħmel l-argumenti u l-pressjoni tiegħu bit-tama li din ir-riżoluzzjoni tkun ikkontribwixxiet favur il-paċi f’dan il-mumet kurċjali għall-paċi internazzjonali.