Stanley Zammit, PN
Malta sabiħa u nadifa hija l-aqwa riklam li nistgħu nagħmlu għat-tisħiħ ta’ dan is-settur tant kruċjali għal pajjiżna. Malta sabiħa u nadifa hija l-ambjent li jilqgħana malli noħorgu minn djarna. Għalhekk neħtieġu sforz ħafna akbar, ħafna aktar integrat u ħafna aktar ikkoordinat, biex flimkien nagħmlu ambjent li jixirqilna u ntejbu l-kwalità tal-ħajja tagħna f’pajjiżna.
Dan sostnih id-deputat Nazzjonalista Stanley Zammit fil-parlament.
Hu qal li ħasra meta dan l-isforz ikun għalxejn għax għad hawn numru ta’ kriminali ambjentali li jħossu li jistgħu jagħmlu li jridu.
Aktar minn tlett kwarti tal-ispiża ta’ kwazi €17.6 miljuni tal-Ministeru tat-Turiżmu hi fuq il-ħaddiema f’din id-diviżjoni. Dan ipoġġi responsabilità akbar fuq il-ħaddiema biex jagħtu l-ħin tax-xogħol tagħhom u jagħtuh sewwa. Tpoġġi wkoll responsabilità fuq il-pubbliku, biex it-taxxi ma jinħlewx biex jitnaddaf dak li jkun tħammeġ.
Stanley Zammit qal li tajjeb li jsir aktar investiment f’għodda u makkinarju, imma €1,300 f’taħriġ huwa ammont redikolu Jeħtieġ ninvestu fil-ħaddiema fejn tidhol ospitalità u saħħa u sigurtà u oqsma oħra inkluż it-teknoloġija.
Hu qal li hawn sitwazzjoni ta’ ħmieġ u telqa mal-pajjiż kollu; ħmieġ u skart; storbju u trabijiet; telqa u żdingar; ġrieden u nsetti; bajjiet imnigsa; skart u imbarazz u arja tqila. It-tweġiba tal-gvern ta’ Robert Abelahi biex ikun iffriżat l-iskart organiku.
Il-gvern Laburista supperv u ma jridx jifhem li l-politika ekonomika tiegħu bbażata fuq il-kwantitaà, kif ukoll in-nuqqas serju ta’ ippjanar, faqgħu l-infrastrutturi tal-pajjiż inkluż dik tal-immaniġjar tal-iskart.
Hu staqsa kemm u x’jiflah il-pajjiż? Għaliex il-gvern għadu qed jostor il-Carrying Capacity Study? Meta se jitfassal pjan ħolistiku biex tinħoloq sinkronija bejn dak li jiflaħ pajjiżna, dak li jrid pajjizna, il-popolazzjoni u l-infrastrutturi meħtieġa?
Is-sitwazzjoni marret mill-ħażin għall-agħar bl-iskema l-ġdida tal-ġbir tal-iskart ghax is-sistema ma taħsibx għal ammont u d-diversità tal-popolazzjoni. Ir-reati ambjentali qieshom jaqgħu l-entitajiet kollha ta’ infurzar u ma jaqgħu taħt ħadd.
Stanley Zammit qal li jeħtieġ kuntatt u komunikazzjoni bejn l-aġenziji flimkien ma’ investiment fit-teknologija biex jekk persuna tirraporta illegalità ma entità, mingħajr il-ħtieġa ta’ rapport iehor, ir-rapport jidhol awtomatikament għand l-Awtorità responsabli.
Ir-riforma tal-kunsilli fejn jidħol l-immaniġġjar tal-iskart u l-indafa ukoll falliet. Il-kunsilli, huma xotti mill-għodda u mir-riżorsi biex jagħmlu dak li l-liġi tobblighom. Il-kunsilli qatgħu qalbhom u qed jitolbu l-għajnuna tad-Diviżjoni biex tintervjeni.
Il-Partit Nazzjonalista ressaq numru ta’ proposti li jinkludu li tiżdied il-frekwenza tal-ġbir tal-iskart, tinħoloq sistema ta’ koordinazzjoni bejn il-kunsilli lokali u l-amministraturi tal-blokok ta’ appartamenti, jiġu identifikati hot spots fejn isiru reati ambjentali u jiżdied l-infurzar u li l-kunsilli lokali jerġgħu jingħataw ir-responsabilità tal-ġbir tal-iskart u jingħataw ir-riżorsi, inkluż dawk finanzjarji biex itejbu u jinforzaw is-sistema.
Hu qal li l-pajjiż sar sit ta’ kostruzzjoni wieħed; jeħtieġ infurzar bis-serjetà u kontinwu dwar il-ħinijiet u l-ġranet tax-xogħlijiet, dwar it-trabijiet, dwar l-istorbju u dwar l-iskart tal-kostruzzjoni.
L-avvizi legali huma tajbin imma mhux biżżejjed. X’tiswa n-nefqa fir-riklamar biex imbagħad l-Maltin u t-turisti jsibu pajjiż maħmuġ u mitluq? L-indafa taghti valur akbar lill-prodott turistiku Malti, lil-lokalitajiet u lill-inħawi imwarba imma tant sbieħ fil-pajjiż.