Internazzjonali

L-Arġentina: Javier Milei jirbaħ il-Presidenza fost l-istennija għal terremot politiku

Il-poplu Arġentin eleġġa lil Javier Milei bħala l-President ġdid, b’dan il-politiku radikali tal-lemin qed iwiegħed terremot politiku kif ukoll fit-tmexxija tal-pajjiż li hu mifni bi problemi ekonomiċi u fejn l-istat tal-faqar qed jiżdied b’rati allarmanti.

Milei, li għandu 53 sena, kiseb mas-56 fil-mija tal-appoġġ popolari waqt it-tieni fażi deċiżiva tal-elezzjoni presidenzjali u fejn irnexxielu jagħti disfatta kbira lill-Ministru għall-Ekonomija Sergio Massa  — ir-rivali ewlieni konservattiv li rebaħ biss 44 fil-mija tal-voti.

Fl-aħħar sigħat, diversi politiċi radikali – fosthom l-eks President Amerikan Donald Trump u l-eks-President tal-Brażil Jair Bolsonaro – ferħu lil Milei għar-rebħa li qalu li minnha se jibbenefikaw l-Arġentini kollha.

Sadanittant, wieħed  għandu jistenna theżżiża sħiħa fit-tmexxija tal-Gvern tal-Arġentina taħt idejn Milei li l-kritiċi tiegħu laqqmuh ‘El Loco’ – jew ‘Raġel Miġnun’. Dan wara li Milei wiegħed il-bidliet drastiċi li jinkludu riformi kbar fil-kambju u li jibbażaw l-aktar fuq ix-xejriet tad-dollaru kif ukoll politika finanzjarja ġdida li ma tiddependix fuq il-Bank Ċentrali tal-Arġentina.