Ambjent Lokali

L-għaqda Storja u Kultura Birżebbuġa tħeġġeġ lill-Prim Ministru sabiex iżomm il-wegħda tiegħu li jsalva Wied Żnuber

L-Għaqda Storja u Kultura Birżebbuġa, formalment kitbet ittra lill-Prim Ministru Robert Abela dwar il-kwistjoni pendenti ta’ Wied Żnuber f’Ħal Far. Din hija l-ħames ittra li din l-għaqda volontarja kitbet lill-Prim Ministru, wara li ittri mibgħuta fl-24 ta’ Frar, fil-11 ta’ Marzu, fl-10 ta’ Mejju u fl-14 ta’ Ottubru tas-sena 2022 baqgħu mhux imwieġba.

Fis-7 ta’ Novembru li għadda, fid-diskors tiegħu Robert Abela għamel referenza għall-proġett ta’ mitjar fiz-zona ta’ Wied Żnuber. Huwa qal: “Se nagħmlu bidla f’Wied Żnuber, fejn se niżguraw li l-proġett tad-dilettanti tal-ajruplani jsir iżda jiċkien, u niżguraw li l-buffer zone mal-wied, li llum qedha fuq art industrijali tiġi ODZ.”

L-Għaqda Storja u Kultura Birżebbuġa qalet li dan id-diskors hu purament il-kontra tal-wegħda elettorali li għamel il-Prim Ministru propju ftit ġranet qabel l-elezzjoni ġenerali ta’ Marzu 2022. Nhar is-16 ta’ Marzu 2022, Abela kien qal li: “M’hu se jsir l-ebda żvilupp f’Wied Żnuber.

Barra minn hekk, l-għada 17 ta’ Marzu, waqt żjara li għamel fuq il-monti ta’ Birżebbuġa, kien qal li “jekk jingħata l-fiduċja, Gvern Laburista ġdid se jkun qed jara z-zona fid-dawra tal-wied tiġi ODZ.”

Għalhekk dak li qal il-ġimgħa l-oħra Robert Abela jikontradixxi bil-kbir dawn iż-żewġ wegħdi elettorali. B’riżultat ta’ dan, l-Għaqda Storja u Kultura Birżebbuġa qed tħeġġeġ lill-Prim Ministru sabiex jonora l-wegħda elettorali tiegħu u jirtira kull forma ta’ pjan ta’ żvilupp f’ Wied Żnuber, skond il-ftehim li ġie ffirmat fit-12 ta’ Frar 2022, ftit ġranet qabel l-elezzjoni ġenerali.

Dan il-pjan għandu jiġi rtirat għal dawn r-raġunijiet:

·       Is-sit indikat jinsab kollu f’Wied Żnuber fil-limiti ta’ Ħal Far, eżatt maġenb sit ta’ Natura 2000 fuq porzjon ta’ art ta’ importanza ekoloġika u arkeoloġika kbira.

·       Għad li s-sit jaqa’ taħt l-aġenzija pubblika ‘Indis Malta Ltd.,’ dan is-sit bl-ebda mod ma hu ‘sit disturbat’ kif b’mod qarrieq ġie rrapurtat.

·       Ma saret l-ebda forma ta’ konsultazzjoni fuq dan il-proġett fuq art pubblika, kemm mal-pubbliku kif ukoll ma’ entitajiet oħra interessati;

·       Għadu ma sar l-ebda studju dwar l-impatt abjentali (EIA) ta’ dan il-proġett.

·       Dan is-sit kien ġie priservat mill-Ingliżi minħabba l-importanza arkeoloġika u ekoloġika tiegħu, biss fis-snin riċenti, b’mod żbaljat kien ġie inkluż maz-zona industrijali ta’ Ħal Far. L-Għaqda Storja u Kultura Birżebbuġa temmen bis-sħiħ li dan l-iżball oħxon għadna fiċ-ċans li nikkoreġuh;

·       Bħal ma fil-passat kien hemm diversi tentattivi sabiex dan is-sit jiġi żviluppat, l-ebda żvilupp ma mmaterjalizza ruħu, u bl-istess mod dan il-proġett qerriedi għandu jiġi rtirat;

·       L-attivita` tat-titjir tal-ajruplani maġenb jew fuq sit ta’ Natura 2000 imur kontra kull prinċipju li għalihom dawn is-siti naturali ġew stabbiliti skont id-direttiva 92/433/EEC tal-UE;

·       Dan is-sit m’għandux jibqa’ jifforma parti miz-zona industrijali u kif imwiegħed qabel l-elezzjoni għandu jiġi ddikjarat ODZ bil-għan li jibqa’ jservi bħala buffer zone bejn ż-żona industrijali u Natura 2000;

·       Dan is-sit għandu jibqa’ miftuħ għall-pubbliku ġenerali sabiex l-aħħar parti naturali li fadal fl-inħawi tibqa’ titgawda mill-Maltin kollha.