Julie Zahra, PN
Id-deputat Nazzjonalista Julie Zahra qalet fil-parlament li l-industrija tal-films għandha tikber u timrah b’mod ħolistiku.
Julie Zahra qalet li l-industrija tal-films ma tissemma’ imkien fid-diskors tal-budget. Din l-industrija għandha tikber u timrah b’mod ħolistiku u mhux biss għall-interessi tal-Kummissjoni jew tal-Kummissarju.
Malta ġusta jfisser li tisma’ u mhux li tisma’ biss fejn jaqbillek jew fejn trid. Lanqas li l-Kummissarju tal-Films li apparentament jiddeċiedi u jiddetta biss meta jmur fuq facebook biex jirrispondi għall-kritika li saritlu mill-Oppożizzjoni jew mill-ġurnalisti. Din il-mentalita’ tal-untouchables f’pajjiżna trid tinqata’ darba għal dejjem. Minflok il-gvern irid jifhem l-obbligu li għandu lejn kull min b’xi mod jew ieħor direttament jew indirettament hu nvolut f’dan is-settur jista’ jikber u jimrah u mhux Johann Grech biss.
Hi appellat lill-ministru jmur ikellem direttament ma’ min hu involut f’dan is-settur u d-dispjaċir u r-rabja ta’ kif, minkejja d-dedikazzjoni u x-xogħol kollu tagħhom qegħdin jiġu stmati u ttrattati. Mhux vera li dan il-gvern għandu għal qalbu l-produtturi u l-ħaddiema Maltin u Għawdxin f’dan is-settur. Minn €600,000 għas-sena d-dieħla żied il-fondi għal €900,000. Għaliex ma ġiex allokat aktar minn din is-somma miżera għal settur daqstant importanti biex b’hekk il-produtturi Maltin u xogħolhom ikun jista’ jikkompeti barra minn pajjiżna u jkunu fuq l-istess livell ma’ pajjiżi oħra?
Għall-films barranin, dan il-gvern qed jalloka €38 miljun; €24 miljun aktar minn dak li kien allokat għal din is-sena u li xorta marru żmerċ għax mill-inqas film wieħed biss irridu nħallsu €47 miljun għalih. Il-produtturi Maltin isostni kemm dan il-gvern mhuwiex jalloka biżżejjed għalihom.
Id-deputat Nazzjonalsta qalet li l-Creative Malta imxiet taħt il-Kunsill tal-Arti minn taħt il-Ministeru tat-Turiżmu. Kif se titħaddem din l-iskema issa? Għaliex din l-iskema imxiet inkiss inkiss minn ministeru għall-ieħor fil-kwiet u fil-ħabi u mingħajr spjegazzjoni? Din l-iskema se tkun allokata għall-industrija tal-films għaliex il-kumpaniji Maltin hemm barra kollha jinsabu fil-għama?
Minn ċifri ppubblikati mill-Kummissjoni Ewropea dwar l-Istate Aid jirriżulta li l-Kummissjoni Maltija tal-Films ħallset, jew obbligat li tħallas l-ammont ta’ aktar minn €143 miljun minn fondi pubbliċi f’ħames snin favur diversi benefiċċjarji privati. Dan sar bejn is-17 ta’ Settembru 2018 u t-8 ta’ Awwissu 2023. Iżda minn dawn kważi €137 miljun intefqu fuq benefiċċjarji barranin biss.
Hi qalet li kien għalhekk li l-PN talab lill-Awditur Ġenerali biex jinvestiga dawn il-€137 miljun u li jinvestiga wkoll jekk il-Kummissjoni Maltija tal-Films addottatx proċedura partikolari ta’ skrutinizzar ta’ dokumentazzjoni biex jinħarġu dawn il-pagamenti, jekk din il-proċedura kinitx f’linja mal-prinċipju ta’ governanza tajba u biex ikun stabbilit liema proċedura qed tkun addottata. Investigazzjonijiet oħra għandhom isiru dwar x’inhuma r-rekwiżiti mill-Kummissjoni biex ikunu approvati dawn il-pagamenti mill-fondi pubbliċi u jekk sarx eżerċizzju diliġenti u studjat ta’ x’benefiċċji se jkun qed jieħu lura l-pajjiż għal kull nefqa mill-fondi pubbliċi u biex ikun assigurat jekk sarx eżerċizzju sew ta’ skrutinju mill-Ministeru tat-Turiżmu fost oħrajn. Minn dawn il-€137 miljun, madwar €47 miljun sejrin għal film Gladiator 2, li ftit xeni minnu se jinġibdu f’Malta.
Julie Zahra insistiet li l-Ministru tat-Turiżmu jippublika jew jippreżenta fuq il-mejda ta’ din il-Kamra l-istudju fuq il-cash rebate li għidtu li għamiltu. Jekk jeżisti wara kollox m’għandkomx għalxiex tibżgħu, il-kuntratt ta’ David Walliams, in-nefqa tal-Film Awards, in-nefqa tal-Golden Bee Awards Ceremony u n-nefqa totali tal-Mediterrane Film Festival.
Dan għaliex il-Ministru mhux qed jirrispondi d-domandi parlamentari u jgħid li l-informazzjoni għadha qed tinġabar jew inkella l-informazzjoni hija kummerċjalment sensittiva.
Julie Zahra qalet li l-viżjoni tal-PN f’dan is-settur hi li nsostnu l-importanza li jkollna co-production fund biex verament il-produtturi tal-films Maltin jkunu fuq level playing ma’ kumpaniji barranin u biex b’hekk inkunu qed nassiguraw xogħolhom f’din l-industrija u l-fondi li jintefqu u dawk li jiġġeneraw jagħmlu tajjeb għall-ekonomija tagħna Maltija.
Dan flimkien ma’ infrasttruttura fejn kulħadd ikollu l-istess dritt biex jibbenefika minn din l-industrija u mhux wieħed ta’ esklużjoni tal-ieħor. Irridu nagħtu għajnuna, rikonoxximent u viżibilità akbar lil dawk li jaħdmu l-films f’ pajjiżna u għall-produzzjonijiet tagħhom.
Il-PN irid ukoll sistema ta’ cash rebates sostenibbli fejn il-mod ta’ kif din titħaddem, tinbidel u filwaqt li tibqa tkun vijabbli u applikabbli, permezz ta’ konsultazzjoni u diskussjoni mal-partijiet kollha nvoluti jkollha capping u dan ħalli ma jerġax ikollna sitwazzjoni li film wieħed jieħu €47 miljun u oħrajn jispiċċaw b’xejn.
Il-PN jinsisti fuq aktar taħriġ fl-iskejjel, aktar rikonoxximent lil din l-industrija u think-tank bejn l-Istat u l-privat sabiex naħdmu flimkien biex verament tissaħħaħ din l-industrija.
Proposta oħra tal-PN hi li l-persuni li jaħdmu fl-industrija tal-films f’pajjiżna, għaliex xogħlhom jirikjedi bżonnijiet partikolari, u mhux xi xogħol li jsegwi xejriet standard bħal ħafna impjiegi oħra, li tiddaħħal Work Regulation Order għal dan is-settur li tissalvagwardja u ssaħħaħ aktar lil ħaddiema fil-creative businesses biex jaħdmu, filwaqt li tiżgura li d-drittijiet tagħhom ikunu protetti u jiġu evitati kull tip ta’ lakuni li jeżistu bħalissa.
Julie Zahra qalet li l-Oppożizzjoni temmen fit-trasparenza, fl-inklużjoni, f’xogħol garantit lill-ħaddiema tagħna Maltin, f’inċentivi lil min ħaqqu u sostenn lejn il-ħaddiema kollha f’dan is-settur.
Aħna rridu l-investiment u mhux dejn, kif għamel il-gvern għax iddeċidew li jiffangaw u ma jimpurtahomx mill-pajjiż. Din l-industrija tista’ tassew tkun waħda mill-pilastri ekonomiċi ewlenin ta’ pajjiżna u hi ukoll parti mill-viżjoni ta’ ekonomika ta’ eċċellenza, sostniet id-deputat Nazzjonalista.