Mario de Marco, PN
Id-deputat Nazzjonalista Mario de Marco qal fil-parlament li l-iżvilupp tal-popolazzjoni hu marbut mal-viżjoni għat-turiżmu
Mario de Marco qal li l-ħaddiema barranin ilaħħqu madwar 100,000. Din l-isplużjoni tal-popolazzjoni ġabet pressjoni kbira fuq l-infrastruttura fosthom it-traffiku, fl-isptar u ċentri tas-saħħa, fl-istennija għal servizzi tas-saħħa, fil-problemi fit-trasport pubbliku, fl-iffullajr fuq il-bajjiet, fid-drenaġġ li qed imur fil-baħar u fil-qtugħ fid-dawl; dan kollu jħossuhom u jgħixuh ukoll in-nies.
Mario de Marco qal li dan hu riżultat tal-politika tal-gvern li bbaża l-ekonomija fuq l-importazzjoni tal-ħaddiema barranin. Dan ġab probemi oħra, fosthom żieda fil-prezzijiet tal-prodotti essenzjali u tal-kirjiet tal-postijiet. Il-PN kien wissa li minħabba li m’hemmx ippjanar, din is-sitwazzjoni mhix sostenibbli. Minkejja dan, il-gvern baqa’ għaddej bil-politika tiegħu biex issa l-istess gvern qed jgħid li din il-politika mhijiex sostenibbli.
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-gvern ma kellux viżjoni fit-tul iżda l-gvern ma riedx jisma’. Hu kompla li l-popolazzjoni bħalissa hi 520,000 persuna u sostna li l-gvern stess qed jiddikjara li din trid titla’ għal 800,000 persuna għas-sostenibbiltà tal-ekonomija.
Mario de Marco qal li l-ħaddiema barranin saru parti integrali mill-ekonomija tal-pajjiż fosthom fir-ristoranti; dan ifisser li dawn se jibqgħu hawn għal għexieren ta’ snin għaliex l-arloġġ ma jistax jiddawwar lura immedjatament.
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-industrija tat-turiżmu hu milqut minn din is-sitwazzjoni u sostna li sa ftit sin ilu, d-diskussjoni kienet li jgħolew il-livelli tal-ħaddiema fis-settur tat-turiżmu. Gvern Nazzjonalista kien fetaħ l-ITS għaliex fehem din il-prijorità iżda llum m’hemmx viżjoni għaliex il-gvern jibbaża biss fuq in-numri.
Mario de Marco kompla li studju tal-MHRA jrui li Malta trid iġġib erba’ miljun turist biex timla l-postijiet li hawn f’dan is-settur. Hu kompla li t-turisti jammontaw għal 40,000 kuljum iżda skont din l-istudju dan irid jitla’ għal 80,000 kuljum. Dan irid ikun ikkunsidrat fil-kuntest li l-popolazzjoni għandha titla’ għal 800,000; kważi miljun persuna jgħixu f’Malta.
Dawn iċ-ċifri se jġibu pressjonijiet kbar fuq il-pajjiż kollu, sostna d-deputat Nazzjonalista, li qal li l-ippjanar tat-turiżmu għandu jkun marbut mat-tkabbir tal-popolazzjoni. Jeħtieġ li jkun hemm l-ippjanar meħtieġ anki fil-kuntest ta’ konferenzi li jsiru bħal dik tas-SIGMA, li hi importanti ħafna iżda li kkaġunat problemi kbar ta’ traffiku fil-Marsa. In-nuqqas ta’ ippjanar diġà qed jeffettwa numru ta’ setturi inkluż it-turżmu, sostna Mario de Marco, li qal li l-ewwel eżerċizzju jrid ikun dak li jkun stabbilit x’jiflaħ il-pajjiż bħala popolazzjoni u turisti.
Mario de Marco qal li r-reazzjoni tal-poplu m’għandhiex tkun negattiva għal din is-sitwazzjoni iżda jrid ikun assigurat li l-pajjiż ma jkollux iktar turisti milli jiflaħ. Hu semma’ l-Belt u qal li gvern Nazzjonalista kellu pjan kif jirriġenera l-Belt fosthom bil-bini tal-parlament, bin-Notte Bianco u b’attivitajiet kulturali li taw ħajja lill-Belt.
Tul is-snin inqabżet il-linja tal-bilanċ tant li ankii t-turisti li joqgħodu fil-lukandi tal-Belt qed jilmetnaw mill-istorbju minħabba mużika wara ħinijiet aċċettabbli. Il-Belt ġiet qisha Paceville, sostna Mario de Marco, li kompla li l-uniku viżjoni tal-gvern għall-Belt hi madwar il-flus, irrispettivament jekk dan isirx għad-detriment tal-pubbliku.
L-MTA qed timpala flus kbar għal numru ta’ attivitajiet iżda m’hemmx ċarezza fejn qed imorru dawn l-isponsors u għaliex dawn qed imorru kważi dejjem għand l-istess nies. Il-gvern jibqa’ sieket dwar x’qed isiru mill-ġbir tal-fondi mill-eko-kontribuzzjoni, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li l-gvern naqqas l-allokazzjoni għall-MTA b’10% iżda mhux spjegat għaliex ittieħedet din id-deċiżjoni.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li n-nefqa mill-MTA, b’mod abbużiv, qed taqbeż l-estimi approvati mill-parlament. Kien hemm hemm tnaqqis fil-budget f’diversi aspetti oħra fis-settur turistiku, sostna Mario de Marco, li staqsa xi proġett qed tippjana l-MTA biex il-prodott turistiku jiżdied. 90% tal-investituri kif pubbliku mill-E&Y jiddikjaraw li Malta mhix preparata għar-tkabbir tal-popolazzjoni. Fil-pajjiż hawn ħmieġ u telqa fejn il-pajjiż sar sit ta’ turistiku li qatt ma tintemm.
Il-gvern m’għandux pjan għal Kemmuna u għall-ħolqien ta’ bajjiet ġodda, sostna Mario de Marco li qal li l-gvern qed jipproponi biss l-introduzzjoni tal-iskill cards. Din hi proposta tajba iżda mhix se ssolvi l-problema tal-popolazzjoni fil-pajjiż. Din il-proposta se tiswa €579 għal kull ħaddiem, li se tinġarr mill-ħaddiem jew minn min iħaddem.
Hu semma’ l-Air Malta u fakkar l-ex ministru Konard Mizzi kien iddikjara, fl-2019, li l-Air Malta qed tagħmel profitt u l-pjani kienu għal titjiriet fit-tul u anki ordna żewġ ajruplani għal dan l-iskop. Illum hu stabbilit sa fejn se ttir l-Air Malta… għaliex din se tieqaf topera f’April 2024 għaliex il-pjan ta’ ristrutturar falla!
Mario se Marco qal li l-gvern għandu jispjega għaliex il-pjan tal-gvern dwar l-Air Malta lill-Kummissjoni Ewropea ma kienx aċċettat meta Gvern Nazzjonalista kellu ftehim mal-Kummissjoni Ewropea. Il-gvern Labursita kellu jimplimenta dan il-pjan iżda dan twettaqx biex l-Air Malta falliet biex issa l-gvern se jkollu iktar fondi għal-linja tal-ajru ġodda.
Id-deputat Nazzjonalista tkellem fuq l-importanza tal-aċċessibbiltà u l-konnettività u qal li l-budget ma joffri l-ebda viżjoni dwar turiżmu ta’ kwalità.
Jeħtieġ pjan dwar min se jkun it-turist fl-10 snin li ġejjin u kemm se jiġu f’Malta, sostna d-deputat Nazzjonalista, li qal li l-gvern għandu jagħmel il-pjani neċessarji f’dan ir-rigward, ikunu moderizzati ċ-ċentri turistiċi, jissaħħaħ il-wirt kulturali u storiku, tkun protetta l-kampanja u l-ambjent, isir invetsiment fl-infrasrtuttura u jkun hemm trasparenza fl-infieq tal-MTA.
Dan flimkien ma’ pjan dwar il-bajjiet, l-effetti tat-turiżmu fuq ir-residenti, ikun żviluppat il-potenzjal ta’ Għawdex, ikun hemm żieda fil-konnettività bl-ajru u tkun trattata l-problema ta’ nuqqas ta’ ħaddiema Maltin fit-turiżmu