Il-Prim Ministru tal-Ungerija qal li hu u l-Gvern tiegħu se ‘jirreżistu’ t-taħditiet tal-Unjoni Ewropea dwar jekk għandhiex testendi formalment stedina lill-Ukrajna biex tissieħeb ma’ dan il-grupp ta’ pajjiżi.
It-taħditiet se jsiru f’nofs-Diċembru u Viktor Orban – sostenitur tar-Russja minkejja li pajjiżu ilu mill-2004 jifforma parti mill-UE — enfasizza li l-Ukrajna tinsab ‘snin kbar ‘il bogħod’ milli tirrealizza t-tragward tas-sħubija.
Orban, fi tmiem il-ġimgħa kien elett mill-ġdid — u għall-ħdax-il darba konsekuttiva — bħala President tal-Partit Fidesz tal-lemin li qed imexxi lill-Ungerija.
Hu, issa, qed jgħid li l-Ungerija għandha ‘tikkorreġi l-iżball li sar meta l-UE wiegħdet li tibda negozjati ta’ sħubija mal-Ukrajna’ u b’dan l-aġir mistenni jqajjem tensjoni kbira fost is-sieħba tal-Unjoni.
L-isħubija ta’ pajjiż ġdid fl-Unjoni Ewropea teħtieġ unanimità fost l-Istati membri kollha u għaldaqstant, din is-sitwazzjoni qed tipprovdi lil Orban bis-saħħa tal-veto li, ‘il quddiem, kapaċi jkun strument utli għall-interessi ta’ Budapest – u tar-Russja b’mod indirett.
//= $special ?>