Raġel ta’ 32 sena mill-Maċedonja, li allegatament daħal f’disa’ ħwienet u seraq flus kontanti, numru kbir ta’ mowbajls u laptops li l-valur tagħhom jeċċedi l-€150,000 inżamm arrestat u ma wieġeb għal ebda domanda li saritlu mill-Qorti.
Gruevski Vasko, li huwa mifhum li ħarab mill-ħabs ta’ Skopje fil-Maċedonja, għażel li ma jwieġibx la x’jismu, kemm għandu żmien, min fejn hu, x’isimhom il-ġenituri tiegħu u jekk hux ħati jew le. Il-pulizija qalet li ż-żagħżugħ ġie arrestat is-Sibt waqt investigazzjonijiet dwar sensiela ta’ serqiet li ilha sejra għal ħames xhur sħaħ u matul il-lejl minn ħwienet fil-Belt Valletta, Ħal Qormi, Tas-Sliema, in-Naxxar u l-Mellieħa.
Ir-raġel wkoll ġie akkużat b’erba attentati ta’ serq oħra minn ħwienet f’Birkirkara, Ħal Tarxien, il-Marsa u l-Gżira. Quddiem il-Maġistrat Abigail Critien Vasko deher kalm jitkellem mat-traduttur tiegħu. Il-prosekuzzjoni qalet li huwa kien Malta taħt isem ieħor dak ta’ Georgiev Ivanov u kellu dokumenti falsifikati fuq dan l-isem, li ma jeżistiex f’Malta.
Is-suspettat li ġie arrestat f’San Ġiljan iffaċċa 23 akkuża bis-serq isir mhux dejjem waħdu imma fil-preżenza ta’ xi ħaddieħor minn Triq il-Merkanti, l-Belt, fi Sqaq Bisazza, tas-Sliema, fi Triq il-Birrerija Ħal-Qormi, Triq Nazzjonali, l-Ħamrun, Triq Sant’Elena, l-Mellieħa, Triq il-Parroċċa, Naxxar – Triq San Publiju, Sliema, Triq il-Labour – Naxxar u Triq it-Torri, Birkirkara.
Huwa ġie mixli li għamel ħsara f’wħud mill-ħwienet li minnhom seraq l-oġġetti u l-flus kontanti. Ġie mixli wkoll li għamel dikjarazzjoni falza u ta tagħrif falz, li kellu fil-pusses tiegħu dokument falz, li jintuża bħala passaport, li saq mutur bla liċenzja u li sar reċidiv permezz ta’ diversi sentenzi mogħtija minn Qrati barranin.
Għall-akkużat li nżamm arrestat u li lanqas kien mitlub il-ħelsien mill-arrest deher l-Avukat tal-Għajnuna Legali Christopher Chircop. Il-prosekzuzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Joseph Mercieca, Lydon Zammit u Christine Delia, mgħejjuna mill-Avukat Kevin Valletta mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
//= $special ?>