Lokali Parlament

Nuqqas ta’ trasparenza fl-infieq tal-MTA


Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar


Il-Whip tal-Oppożizzjoni u deputat Nazzjonalista Robert Cutajar qal fil-parlament li hemm nuqqas ta’ trasparenza fl-infieq tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu (MTA).


Id-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar qal li l-gvern tilef il-bilanċ bejn il-kwantità u l-kwalità għalkemm issa l-kwalità qed tibda tkun diskussa. Hu kkritika n-nuqqas ta’ stabbilità ministerjali f’dan is-settur u kkritika l-mod kif il-gvern naqas milli jiffinalizza proġetti fil-lokalitajiet minħabba dewmien esaġerat.


Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-karatteristiċi tal-lokalitajiet qed jitgħarqu fejn jidħil il-ħarsien ital-wirt storiku tal-pajjiż. Hu kkritika l-mod kif l-MTA stess tagħmel proġetti li jiksru l-istess regoli dwar il-ħinijiet tax-xogħlijiet.


Hu semma’ x-Xemxija u qal li qed isiru xogħlijiet f’dan il-lokal biex ikunu aġevolati ċertu persuni u kkritika l-fatt li hawn ħafna lokalitajiet fejn l-għases tal-pulizija ma jinfetħux. Dan kollu qed ikollu effett fuq it-turiżmu, sostna Robert Cutajar, li kkritika l-infieq bla kontroll mill-MTA. Id-deputat Nazzjonalista qal li hemm nuqqas ta’ tarsparenza fi sponsors fl-isport u f’setturi oħra mill-MTA fejn lanqas hu stabbilit x’qed jittieħed lura mill-pajjiż bħala benefiċċju minn dawn l-isponsors.


Hu semma’ l-baħar u l-bajjiet u staqsa jekk fil-verità l-kwalità tal-baħar u tall-bajjiet għadhomx l-istess bħal ta’ snin ilu. Jeħtieġ li l-impjanti tad-drenaġġ jiffunzjonaw kif suppost biex ma jkunx hemm żbroff fil-baħar. Malta għadha bl-aqwa kwalità ta’ baħar fil-Mediterran kif kienet fil-passat?


Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-qtugħ tad-dawl kontinwu li seħħ fis-sajf li għadda hu riżultat ta’ nuqqas ta’ investiment u ppjanar fl-infrastruttura. Hu appella biex l-MTA tinkludi lill-Oppożizzjoni fil-konferenzi partikolarment meta jingħataw ċertu sponsors li jingħataw minn flus il-poplu għaliex f’ċerti konferenzi qed issir diskriminazzjoni kontra l-PN.