Is-Società Filarmonica Vilhena se tkun qed tfakkar u tiċċelebra l-150 anniversarju s-sena d-dieħla mit-twaqqif tagħha fis-sena 1874.
Il-Ħadd li għadda, 19 ta’ Novembru, il-Filarmonica Vilhena nediet uffiċjalment il-pjan ta’ attivitajiet tagħha għall-150 anniversarju biex tfakkar it-twaqqif tagħha. Fost dawn l-avvenimenti u attivitajiet se jkun hemm quddiesa solenni ċċelebrata filgħodu fil-21 ta’ Jannar fil-Parroċċa ta’ San Publiju, il-Furjana biex nirringrazzjaw lil Alla tal-150 sena li għaddew.
L-attivitajiet jinkludu wkoll żjarat uffiċjali lill-President tar-Repubblika kif ukoll l-Arċisqof li huwa wkoll il-Patrun tal-Filarmonica Vilhena, marċ konġunt f’April mal-Filarmonika King’s Own, marċ fid-9 ta’ Mejju fl-okkażjoni tat-300 anniversarju mit-twaqqif tal-Furjana, u akkademja mużikali fit-Teatru Manoel f’Settembru.
Barra minn hekk, huwa ppjanat li tinkixef plakka kommemorattiva għall-150 anniversarju kif ukoll bandalora minsuġa għall-okkażjoni. Is-sena d-dieħla huwa ppjanat ukoll li jitnieda ktieb dwar l-istorja tal-Filarmonica Vilhena, miktub mill-arkivist tas-Soċjetà, Nigel Holland. Is-Società Vilhena se tkun qed tirreġistra u toħroġ ukoll sett ta’ marċi storiċi mill-arkivju tagħha stess.
Għas-soċjetà Maltija inġenerali, is-soċjetajiet filarmoniċi tal-bliet u l-irħula tagħna jservu ta’ punti ta’ referenza komunitarja u għandhom ifittxu li jimxu spalla ma’ spalla mal-parroċċi sabiex jgħaqqdu l-komunitajiet. Għandhom jistinkaw ukoll biex jippromwovu kultura mużikali u artistika għolja f’soċjetà li dejjem qed tiddikulturalizza ruħha.
//= $special ?>