Is-sidien ta’ pitbull ġew ordnati jħallsu danni ta’ €104,021 lil raġel li sofra ġrieħi permanenti meta kien attakkat mill-kelb f’Bormla ħames snin ilu, u dan meta l-vittma kellu 14-il sena. L-inċident seħħ fl-20 ta’ Awwissu 2018 meta l-kelb attakka lil Jean Claude Vella hekk kif xeħet xi kaxxi tal-kartun ħdejn il-ħanut tal-ħelu li għandu missieru. Huwa sofra ġrieħi gravi f’riġlejh.
Il-ġenituri tat-tifel, Michael u Michelle Vella f’isem binhom ressqu kawża għad-danni kontra s-sidien tal-kelb Frances Pantalleresco u binha Marjan Lee. It-tifel kien irrakkonta kif il-kelb tfaċċa f’daqqa waħda quddiemu. Qal li ma ċċaqlaqx, iżda beda jsejjaħ għal missieru.
Il-kelb imbagħad qabadlu siequ l-leminija u waqa’ mal-art, jgħajjat. Imbagħad il-kelb weħel ma’ siequ x-xellugija b’aktar feroċità sakemm neħħa sninu minn miegħu meta wasal wieħed mis-sidien tal-kelb. It-tifel intilef minn sensieh ftit wara.
Il-Qorti fil-kunsiderazzjonijiet tagħha qalet li ma kienx hemm dubju li l-kelb kien proprjetà tal-intimati u huma responsabbli għalih. Kien jidher ċar ukoll li l-kelb ma kienx biċ-ċinga u ma kellux geddum. Il-Qorti osservat li tabib li jispeċjalizza fil-kirurġija plastika u re-kostruzzjoni kien qal li l-vittma sofriet diżabilità ta’ 9% b’uġigħ li jonqos maż-żmien iżda jista’ qatt ma jitlaq għal kollox. Psikologu li eżamina lill-vittma wara tliet snin qal li dan sofra 12% diżabilità permanenti.
Wara li kkunsidra l-età żgħira tal-vittma, il-ġrieħi fiżiċi u psikoloġiċi tiegħu, is-salarju attwali tiegħu bħala attendant tal-pompa tal-petrol, l-inflazzjoni, u l-ħlas ta’ somma f’daqqa l-Imħallef Toni Abela wara li sab lill-akkużat responsabbli għall-inċident, ordnahom iħallsu danni ta’ €104,021 flimkien mal-interessi.