Lokali Parlament

100,000 f’riskju ta’ faqar, pajjiż f’sitwazzjoni prekarja


David Agius, PN


Id-deputat Nazzjonalista David Aqgius qal fil-parlament li l-istħarriġ tal-Unjoni Ewropea magħruf bħala Statistics on Income and Living Conditions, (SILC), juri li f’Malta hawn aktar minn 100,000 persuna f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali. Dan ifisser persuna minn kull ħamsa jinsabu f’din il-qagħda prekarja.


Persuna minn kull tlieta fuq l-età ta’ 65 sena tinsab f’riskju ta’ faqar jew esjkużjoni soċjali. Ir-rata ta’ persuni f’riskju ta’ faqar żdiedet u mhux naqset fl-aħħar ħames snin; minn 19.4% fl-2017 għal 20.1% fl-2022.


Fejn jidħlu l-anzjani, ir-rata żdiedet bi tliet punti perċentwali f’sena waħda biss, bejn l-2021 u l-2022. Aktar minn 40% ta’ dawk li jgħixu waħedhom, jinsabu f’dan ir-riskju.


Dawn huma ċifri sal-2022, li għadhom ma jieħdux konsiderazzjoni tal-għoli tal-ħajja sfrenat matul l-2023. Inflazzjoni li xahar wara l-ieħor ppersistiet fuq livell għoljin ta’ bejn il-5% u s-7%, ħafna drabi ogħla mill-medja tal-Unjoni Ewropea. F’Settembru, l-għoli tal-ħajja kien fil-livell ta’ kważi 5%, meta wieħed jiffoka fuq is-setturi differenti li jikkontribwixxu għall-basket li fuqu tinħadem din iċ-ċifra, jara li l-impatt tal-prezzijiet tal-ikel, l-aktar ħaġa bażika għal kull familja, jibqa’ qrib tal-10%.


David Agius sostna li studju tal-General Workers Union, dwar il-kwalità tal-ħajja jistabilixxi li persuna waħda, bla tfal, trid mill-inqas €14,864 biex tgħaddi ħajja deċenti. Dan l-istudju jgħid li llum familja, koppja b’żewġt itfal, trid iktar minn €30,000 għal ħajja diċenti – biex dan ikun possibbli, għal ħafna Maltin, il-koppja trid taħdem it-tnejn, u xorta mhux dejjem jaslu għal dan il-livell ta’ dħul.


Dan kollu qed iwassal biex aktar persuni jkollhom jaqbdu part-time barra mill-full-time tagħhom. Dan qed ikollu piż kbir fuq il-fibra soċjali tal-familji tagħna, l-għeruq tas-soċjetà Maltija. Familji kostretti jiġru minn xogħol għall-ieħor, apparti t-telf ta’ ħin assoċjat mal-problemi ta’ traffiku, b’dejjem inqas ħin għal xulxin. Tfal meħudin minn post għall-ieħor minn child care centres għal għand in-nanniet u qraba oħra.


Bħal qisu b’vendikazzjoni, minn tant ħela u tberbiq, il-Gvern iqaċċat fil-budget minn waħda mill-affarijiet li kienet tajba – dik tal-Klabb 3-16 li tippermetti lil aktar persuni, speċjalment nisa, jidħlu fid-dinja tax-xogħol.


Stħarriġ wara l-ieħor tal-opinjoni pubblika jibqa’ jpoġġi l-għoli tal-ħajja fost l-akbar tħassib tal-poplu Malti u l-Gvern jibqa’ jinjorah. Il-Gvern jinsisti li jieħu t-taxxa minn fuq dik iż-żieda tal-COLA.


David Agius irrifera għal rapport ippubblikat mill-YMCA li minn jirriżulta li 40 tifel u tifla taħt l-età ta’ erba’ snin fittxu l-għajnuna fix-xelters tal-YMCA għaliex spiċċaw bla saqaf fuq rashom; ħamsa aktar mill-2021. Ir-rapport Homeless Human Evolution jistabilixxi li l-familji qed jaffaċċjaw riskju dejjem akbar li jispiċċaw bla saqaf taħt rashom. Fl-2012, ebda tifel jew tifla taħt l-erba’ snin ma spiċċat bla saqaf taħt rasha.


F’10 snin ta’ gvern Laburista, aktar minn 500 spiċċaw f’din is-sitwazzjoni tal-biża’ għalihom u tal-mistħija għall-pajjiż. Il-Kap Eżekuttiv tal-YMCA Anthony Camilleri ikkummeta hekk dwar din l-istatistika: “The fact we are dealing with young families who are now becoming homeless sheds light on the structural injustices they face. Such a discovery should lead us to strengthen further the Maltese family structures, rent issues, and the rising cost of living.”


Proprja ftit tax-xhur ilu l-YMCA fetħet Drop In Centre ieħor, fil-Ħamrun u fi ftit ġimgħat, bejn 600 u 800 persuna fix-xahar qed imorru għall-għajnuna f’dan il-post. Din hi r-realtà ta’ pajjiżna llum. Realtà fejn in-nies reqdin barra, fil-parks pubbliċi, fil-ġonna, saru realtà li ma konnix noħolmuha deċenju ilu, sostna David Agius.


Rapport tal-Università ta’ Malta, ippubblikat ftit tal-ġimgħat ilu li jidentifika “very high percentages of child abuse cases, and a ‘very small’ percentage of individuals who do seek help, with many deciding to seek help decades later.


Ir-rapport jgħid li dan jista’ jinkludu kemm abbuż fiżiku kif ukoll emozzjonali, iżda rapport ieħor tal-Università aktar kmieni fis-sena kien sab li fis-sena 2021, kien hemm kważi 600 każ ta’ abbuż ta’ tfal.
David Agius qal li l-użu tad-droga f’pajjiżna sploda fl-aħħar snin. Matul is-sena li għaddiet madwar 3,000 kilo ta’ kokaina b’valur ta’ €386 miljun instabu mill-pulizija. Dan juri li l-pjaga tad-droga f’pajjiżna nfirxet b’mod allarmanti u qed tkisser familji u individwi iktar minn qatt qabel.


Fil-parlament, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal ammetta li d- dokument msemmi ‘Il-Politika Nazzjonali kontra l-Użu tad-Droga f’pajjiżna’ ilu ma jiġi aġġornat u mġedded iktar minn 15-il sena, mis-sena 2008. Kien Gvern Nazzjonalista li kien preżenta din il-politika f’Jannar 2008 permezz tal-Ministru Dolores Cristina.


Id-deputat Nazzjonalista kompla li xahar u nofs wara li l-Oppozizzjoni ħabbret li kienet se titlob lill-Kumitat Parlamentari għall-Politika Soċjali biex issir konsultazzjoni pubblika u aġġornament tal-Politika Nazzjonali kontra l-Użu tad-Droga, il-gvern ma kellux triq oħra ħlief li jaġixxi. Huwa ta’ sodisfazzjon għal Oppożizzjoni Nazzjonalista li tinnota li l-gvern mexa fuq ir-rakommandazzjoni tal-Oppozizzjoni.


Ejja ma naqtgħux qalbna quddiem dawn l-isfidi. Il-Partit Nazzjonalista huwa lest biex jagħti d-direzzjoni lill-pajjiż f’dan il-mument. Aħna hemm se nkunu. Spalla ma’ spalla mal-ħaddiem, mas-sid ta’ negozju. Biex kulħadd jikber u jikseb is-suċċess li jistħoqqlu; ekonomija li tagħti dinjità lill-bniedem, sostna David Agius.