Lokali Qorti

13-il sena ħabs wara li qabbad il-bieb tal-kamra tal-banju ta’ qarib tiegħu biex joqtlu

Justin Dimech ta’ 31 sena, residenti l-Gżira ġie kkundannat 13-il sena ħabs mill-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera wara li ammetta minflok għadda ġuri dwar attentat ta’ qtil ta’ qarib tiegħu billi qabbadlu l-bieb tal-kamra tal-banju tiegħu fil-Gżira stess. Huwa ġie mmultat ukoll €25,000.

Il-każ kien seħħ fil-5 ta’ Frar 2021 meta l-vittma ċempel lill-Pulizija biex jirrapporta li Dimech kien sgassalu l-bieb tad-dar u beda jattakkah. Il-vittma daħal fil-kamra tal-banju għall-ħabta tas-7.30am. u malli ra dan, l-akkużat waddab il-petrol lejn il-bieb tal-kamra, qabbdu u ħarab.

Il-vittma rnexxielu jaħrab mid-dar mit-tieqa tiegħu u ġarrab biss feriti ħfief. Dimech kien spiċċa arrestat f’daru fil-Gżira stess, fejn instabu ammonti kbir ta’ cannabis. Meta tressaq il-Qorti u waqt is-smigħ tal-provi, Dimech wieġeb mhux ħati għall-akkużi ta’ attentat omiċidju, li qabbad id-dar tal-vittma, li ttraffika u kien fil-pussess tad-drogi cannabis u ecstasy.

Kien fil-31 ta’ Lulju li għadda, Dimech ħabbar li kien se jammetti l-każ fid-dawl ta’ patteġġament (ftehim) li sar bejn id-difiża u l-prosekuzzjoni fuq is-sentenza mogħtija. Filwaqt li l-Qorti qieset l-ammissjoni ta’ Dimech, hija qalet ukoll li huwa ma ammettiex fi stadju bikri tal-proċeduri. Dan hekk kif għaddew sentejn minn mindu l-akkużat tressaq il-Qorti għall-ewwel darba.

Il-Qorti qablet mal-ftehim tal-partijiet fid-dawl tal-fatt li dan huwa konformi mal-liġi u għaldaqstant ikkundannat lil Dimech għal sentenza ta’ 13-il sena ħabs, multa ta’ €25,000 u li tinbidel f’sena ħabs żejda jekk ma titħallasx. Kien ikkundannat ukoll ħlas ta’ €7,571 fi spejjeż tal-Qorti u jagħti s-somma ta’ €1,882 lill-vittma.

L-Ispetturi Shaun Pawney u Jonathan Ransley mexxew il-Prosekuzzjoni wara li nvestigaw il-każ bl-assistenza tal-avukat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Anthony Vella. Għal Dimech deher l-Avukat Noel Bianco.