Għawdex Lokali

Anke l-Kamra Għawdxija tal-Kummerċ tesprimi tħassib dwar il-bini biswit il-Ġgantija

Il-Kamra Għawdxija tal-Kummerċ (GBC) tixtieq tirreferi għall-kontroverżja marbuta mal-buffer zone madwar is-sit tal-wirt dinji tal-UNESCO tal-Ġgantija, u l-permess li ngħata fil-buffer zone tal-UNESCO mingħajr ma sar il-heritage impact assessment meħtieġ.

Il-Kamra tinsisti dwar proċess trasparenti li verament jagħti prijorita’ lissensitivita’ ta’ dawn iż-żoni. Flimkien maċ-Ċittadella, s-sit tal-wirt dinji tal-UNESCO tal-Ġgantija huwa l-iktar sit importanti turistiku fil-gżira. Dawn is-siti jikkontribwixxu biex jagħmlu minn Għawdex destinazzjoni turistika attraenti. Il-fatt li s-sit tal-Ġġantija huwa meqjus bħala sit taħt il-wirt dinji tal-UNESCO, jagħmel minn dan il-post wieħed uniku. Dan ifisser li trid tingħata l-ikbar attenzjoni meta jingħataw permessi f’dawn il-buffer zones.

Il-Kamra tinnota wkoll li entitajiet governattivi oħrajn urew it-tħassib tagħhom. Dan juri l-ħtieġa li jkun hemm kollaborazzjoni ikbar b’tali mod li tiżgura li lproċess tal-ippjanar ikun wieħed verament ħolistiku u li jieħu in kunsiderazzjoni l-partijiet kollha.

Fuq skala iktar wiesa’, dan il-każ juri l-ħtieġa ta’ approċċ speċifiku fl-ippjanar, approċċ li verament jieħu in
kunsiderazzjoni il-ħtiġijiet tal-gżira Għawdxija.