Illum, waqt il-plenarja fi Strasburgu, il-Parlament Ewropew adotta b’maġġoranza b’saħħitha r-riżoluzzjoni mmirata lejn it-tisħiħ tal-“Garanzija għat-Tfal, sentejn wara l-adozzjoni tagħha”.
Casa, li għal żmien twil ilu jappoġġja l-Garanzija Ewropea għat-Tfal, mexxa n-negozjati f’isem il-Grupp tal-PPE.
Ir-riżoluzzjoni talbet għal żieda urġenti fil-finanzjament biex jiġi miġġieled il-faqar fost it-tfal, b’baġit iddedikat ta’ €20 biljun sal-2027 permezz ta’ reviżjoni baġitarja u r-rinfurzar b’bosta biljuni fill-Fond Soċjali Ewropew+, fond li Casa nnegozja f’isem il-Parlament Ewropew aktar kmieni f’dan il-mandat.
“Il-Parlament Ewropew għamel din is-sejħa f’diversi okkażjonijiet, għaddew bosta riżoluzzjonijiet u l-maġġoranza tal-Parlament Ewropew jappoġġja din iż-żieda. Madankollu, għal darb’oħra, il-Kummissjoni naqset milli tinkludi din is-sejħa fir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-qafas finanzjarju multiannwali,” saħaq Casa.
Ir-riżoluzzjoni ħeġġet lill-gvernijiet Ewropej biex itejbu l-kwalità tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali tagħhom, li b’permezz tagħhom il-miżuri jkunu mmirati biex jindirizzaw il-faqar tat-tfal.
“Il-ġbir u t-tqassim tad-data tibqa’ waħda mill-ostakli għall-implimentazzjoni aħjar tal-Garanzija tat-Tfal,” stqarr Casa. “Jeħtieġ li niżguraw li l-aħjar prattiċi jinqasmu u jiġu simplifikati fost l-Istati Membri.”
Ir-riżoluzzjoni tenfasizza l-importanza li jiġi indirizzat il-faqar permezz ta’ approċċ olistiku, biex b’hekk tiġi żgurata nutrizzjoni aħjar, pereżempju permezz ta’ ikliet sħan fl-iskejjel, aċċess aħjar għall-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa, u l-akkomodazzjoni.
Fid-diskors tiegħu fil-plenarja lbieraħ, Casa tkellem ukoll dwar il-vulnerabbiltà tat-tfal, li huma wkoll sofrew l-effetti ta’ kriżijiet globali iżda li kienu l-aktar dgħajjfa biex jimmaniġġjawhom.
“Il-faqar huwa xi ħaġa li jirtu t-tfal,” iddikjara Casa. “Is-soċjetà tagħna qatt mhi se tkun ġusta sakemm għad hemm tfal bil-ġuħ. Għad fadal ħafna xogħol xi jsir”.
Intant f’post fuq il-media soċjali il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech faħħar il-ħidma ta’ David Casa u saħaq li huwa dejjem ta’ sodisfazzjon li tara l-ħidma tal-Partit Nazzjonalista tħalli l-frott meħtieġ anki fl-istituzzjonijiet Ewropej, filwaqt li awguralu aktar ħidma sfiqa.
//= $special ?>