Futbol Sport

EURO 2024: L-Italja tikseb il-punt li kellha bżonn biex tikkwalifika

(Ritratt: EPA)

F’Leverkusen il-Ġermanja, l-Italja kisebt il-punt li kellha bżonn biex ikkwalifikat għall-fażi finali tal-Euro 2024 li se jsir f’Ġunju li ġej fil-Ġermanja.

L-Italja riedet draw mill-aħħar logħba kontra l-Ukrajna u dan irnexxielha tiksbu wara draw ta’ mingħajr goals f’logħba iżda li kienet mimlija azzjonijiet u emozzjonijiet.

Ir-riżultat jista’ jitqies bħala wieħed ġust anki jekk fl-aħħar sekondi tal-logħba kien hemm azzjoni ferm dubjuża fil-kaxxa Taljana fejn Cristante deher li seta’ għamel penalty, iżda r-referee Spanjol ħalla l-logħob għaddej u mill-VAR ma waslet l-ebda senjalazzjoni għal xi ħaġa irregolari.

B’hekk l-Italja, li huma l-holders ta’ din il-kompetizzjoni, kisbu l-kwalifikazzjoni wara li fallew żewġ kwalifikazzjonijiet għat-Tazza tad-Dinja.

F’logħba oħra mill-istess grupp, li fih lagħbet ukoll Malta, il-Maċedonja Ta’ Fuq kisbet draw ta’ 1-1 kontra l-Ingilterra, fejn kien Harry Kane li kiseb il-goal tad-draw fit-tieni taqsima wara li l-Maċedonja ta’ Fuq marru fil-vantaġġ fil-41 minuta permezz ta’ Enis Bardhi.

F’logħbiet oħra r-Repubblika Ċeka għelbu lil Moldova 3-0 u mill-istess grupp l-Albanija kienet miżmuma fi draw ta’ mingħajr goals mill-Gżejjer Faroe.

L-Iralanda Ta’ Fuq kisbu rebħa ta’ 2-0 kontra d-Danimarka.

Ilbieraħ:

Grupp C

Maċedonja v Ingilterra      1-1

Ukrajna v Italja     0-0

Grupp E

Albanija v Gżejjer Faroe    0-0

Rep.Ċeka v Moldova      3-0

Grupp H

Irl.Ta’ Fuq v Danimarka      2-0

San Marino v Finlandja      1-2

Slovenja v Kazakistan        2-1

Illum:

Grupp B

Ġibilta’ v Olanda

Greċja v Franza

Grupp D

Wales v Turkija

Kroazja v Armenja

Grupp I

Andorra v Iżrael

Kossovo v Belarus

Rumanija v Żvizzera