Kultura Lokali

Festivals Malta jħabbar l-20 kanzunetta semifinalista għal Mużika Mużika 2024

Ir-raba’ edizzjoni ta’ Mużika Mużika ser issir bejn l-14 u s-16 ta’ Marzu

Festivals Malta ħabbar li l-Ħadd 19 ta’ Novembru ntagħżlu l-20 kanzunetta li ser ikunu qed jikkompetu fl-ewwel serata ta’ Mużika Mużika 2024. L-40 kanzunetta li għaddew mill-ewwel fażi eliminatorja ġew interpretati live, akkumpanjati minn backing track, quddiem ġurija seperata minn dik tal-fażi eliminatorja preċedenti. Wara deliberazzjoni fuq kull kanzunetta ppreżentata, intagħżlu l-20 kanzunetta semifinalista fil-preżenza tan-nutar tal-Gvern.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Frans Agius sostna li, “Bħal kull sena, ir-rispons għal Mużika Mużika kien wieħed pożittiv ħafna. Bħas-snin ta’ qabel il-livell tal-entraturi kien wieħed għoli ħafna u ma kienitx faċli għall-ġurija indipendenti biex jintgħażlu l-20 kanzunetta semifinalista għall-edizzjoni li jmiss. Kburi li dan il-festival tant prestiġjuż qed jikkontribwixxi sabiex il-kanzunetta Maltija tingħata l-importanza li jistħoqqilha. Mużika Mużika jagħmel parti importanti mill-portafoll ta’ Festivals Malta u m’għandix dubju li bħal snin oħra din l-edizzjoni se tkun ta’ suċċess.”

Iċ-Chairman ta’ Mużika Mużika Raymond Bugeja tkellem fuq il-livell ta’ Mużika Mużika, li ma kull edizzjoni dejjem qiegħed jgħola. “Wasalna fir-raba’ edizzjoni ta’ Mużika Mużika, u b’wiċċi mill-quddiem ngħid li kull edizzjoni qed tkun aħjar minn dik ta’ qabel. Wara l-live auditions li kellna, nista’ ngħid li l-livell qiegħed dejjem jiżdied u eċitat biex nara dawn il-kanzunetti interpretati fuq il-palk meraviljuż tagħna f’Marzu li ġej.”

Id-Direttur Artistiku ta’ Mużika Mużika, Paul Abela, tkellem fuq il-livell ta’ kanzunetti sottomessi li qed ikollu l-festival u kif Mużika Mużika qed jesponi stili varji tal-kanzunetta lill-udjenza Maltija. “Għalkemm l-istili konvenzjonali kienu u jibqgħu popolari f’festival bħal dan, l-artisti Maltin minn sena għal sena qed ifittxu u jesperimentaw biex jippruvaw joħorġu b’xi ħaġa ġdida, u qed nirċievu numru dejjem ikbar ta’ kanzunetti b’ġeneri mużikali varji. Is-sabiħ ta’ dan il-festival huwa l-fatt li jlaqqana ma’ dawn il-kompożizzjonijiet li jgħinuna napprezzaw aktar is-sbuħija tal-ilsien Malti f’kanzunetta. Nawgura lis-semifinalisti kollha għall-edizzjoni li jmiss”.

Issa, l-Bord ta’ Mużika Mużika flimkien mat-tim ta’ Festivals Malta ser jidħol fil-fażi li jmiss tal-produzzjoni fejn jibda x-xogħol fuq l-arranġamenti mużikali filwaqt li jżidu l-preparamenti loġistiċi għall-festival li ser isir bejn l-14 u s-16 ta’ Marzu 2024.

Il-kanzunetti semifinalisti huma dawn (f’ordni alfabetika skont l-isem tal-kanzunetta)

Isem tal-Kanzunetta – Artist/i – Kompożitur/i – Awtur/i

3 ta’ Ġunju 2021 – Neville Refalo – Corazon Mizzi – Corazon Mizzi

Dawk l-Għajnejn – Miguel Bonello – Gilbert ‘il- Bibi’ Camilleri u Miguel Bonello – Miguel Bonello

Din Għalik – Moira Stafrace – David Cassar Torregiani, Toby Farrugia u Moira Stafrace – Gerard James Borg u Ryan Axisa

Fil-Qrib – Cliff Zammit Stevens – Philip Vella – Joe Julian Farrugia

Ġenna – Victoria – Cyprian Cassar – Lon Kirkop

Ġranet Sbieħ – Mark Micallef Costa – Mark Micallef Costa, Gabrijel Mansueto, Roderick Borg u Stefan Grech Mark – Micallef Costa

Grazzi – MARA – Philip Vella – Joe Julian Farrugia

Ħolma ta’ Mument – Dario Bezzina – Philip Vella – Joe Julian Farrugia

Iljun – Andreana DeBattista – Cyprian Cassar – Emil Calleja Bayliss

Imħabba Vera – GIADA – Glen Vella – Philip Vella

Imqar Għal-lejla – Megan May – Peter Borg, Megan May, u Aleandro Spiteri Monsigneur – Megan May

Kewkba F’Tarf L-Irdum – Cherylis – Pamela Bezzina – Pamela Bezzina

Kieku Kelli – Thea Aquilina – Cyprian Cassar – Cliff Casha Brincat

Lulju – Karen Debattista – Karen Debattista – Mark Scicluna

Meta Tridni Ħdejk – Qalb – Paul Giordimaina – Fleur Balzan

Mhux Tal-Aħħar – Maxine Pace – Cyprian Cassar – Emil Calleja Bayliss

Mingħajr Kliem – Keith Zammit Mintoff – Matthew James – Matthew James

Paradoss – Haley – Cyprian Cassar – Emil Calleja Bayliss

Vjagg Sabiħ – Kantera – Kantera u Micimago – Joe Julian Farrugia

Waħdi – Janice Debattista – Philippa Naudi u Bettina Muchmore – Philippa Naudi u Bettina Muchmore