Sport Sport Ieħor

Ġinnastika: Deheb għal Therese Amélie Vassallo fil-Kampjonati Nazzjonali

Tlett klabbs lokali tal-ginnastika ritmika ħadu sehem fil-Kampjonati Nazzjonali li saru fil-kumpless tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport.

Fost il-protagonisti Therese Amélie Vassallo, ginnasta ta’ erbatax-il sena mill-klabb “Ritmica Malta” li laħqet il-quċċata b’midalja tad-deheb fil-kategorija A għal dawk imwielda bejn l-2008 u l-2010, suċċess meqjus bħala l-ogħla livell f’dawn il-Kampjonati.

Permezz tal-wirja eċċellenti tagħha bil-hoop u bil-ballun, hija kisbet midalji tad-deheb f’dawn iż-żewġ taqsimiet tal-Kampjonati.

Barra minn hekk, kisbet ukoll midalja tal-fidda fir-ribbon u midalja tal-bronż fil-clubs, filwaqt li assigurat post fit-tim nazzjonali Malti tal-ginnastika ritmika.

Fi tmiem il-kampjonati l-preżentazzjoni saret minn Robert Magro, President tal-Federazzjoni Maltija tal-Ginnastika u Kap tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport .