Lokali Parlament

Gvern li naqas milli jsib is-soluzzjonijiet għall-isfidi ewlenin tal-pajjiż


Albert Buttigieg, PN


Id-deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg qal fil-parlament li fil-budget, il-gvern naqas milli joffri s-soluzzjonijiet għall-problemi ewlenin li għandu l-pajjiż.


Hu qal d-dependenza tista’ twassal ukoll għal ċerta abbuż ta’ kontroll tal-persuni vulnerabbli li jispiċċaw kontrollati minn ħaddieħor.


Il-politika soċjali li tgħallem lil persuna tistad hija dik il-politika soċjali li filwaqt li tagħraf il-vulnerabbiltà tal-persuna u l-bżonnijiet tagħha, toffri l-opportunitajiet kollha biex il-persuna vulnerabbli tqum fuq riġlejha u tbiddel is-sitwazzjoni tagħha.


F’dan il-budget kemm diversi miżuri soċjali li fihom infushom huma tajbin u zgur li ser ikunu ta’ għajnuna lil diversi. Imma l-gvern għażel biss li jipprovdi appoġġ ta’ flus imma naqas milli jsolvi l-problemi.


Il-gvern żied il-pensjonanti – għalkemm din iż-żieda hija biss ta’ € 2.19 fil-ġimgħa għaliex il-bqija, jiġifieri €12.81 huma parti mill-COLA li ħa kulħadd – imma ma hemm l-ebda ħsieb kif se jindirizza d-diversi sfidi u diffikutajiet li huma għandhom, bħas-solitudni, il-mediċini out of stock jew mhumiex fuq il-formolarju, is-servizzi fil-komunitaà, id-djar tal-anzjani, in-night/day shelters, il-mobbiltà, is-saħħa mentali u t-taxxa ta’ suċċessjoni fost oħrajn.


Fl-istess budget, il-gvern jammetti li hawn 205,000 persuni li huma fir-riskju ta’ faqar għaliex jaqgħlu nqas minn €18,155 fis-sena u allura se jkun qiegħed jagħtihom żieda addizzjonali tal-COLA. Imma fl-istess waqt ma jagħmel l-ebda tentattiv biex jara għaliex dawn il-persuni jinsabu f’dan l-istat u jindirizza d-diffikultajiet tagħhom.


Albert Buttigieg qal li l-gvern jiftaħar li żied il-minium wage imma naqas milli jitkellem fuq job mobility biex il-ħaddiem ma jibqax inwaħħal fil-minium wage. Il-gvern jibqa’ jippromovi c-cheap labour. Dan huwa budget bla vizjoni u soluzzjonijiet għal diversi problemi li fosthom fl-ambjent, fit-traffiku, fl-edukazzjoni, fil-prekarjat, fil-korruzzjoni u fin-nuqqas ta’ ħolqien ta’ niċċeċ ġodda ta’ investiment. Din il-kritika ma kienetx biss mill-PN imma minn diversi msieħba soċjali li tkellmu.


Id-deputat Nazzjonalista sostna li s-soluzzjoni aħħarija hija li l-pajjiż ikollu ekonomija ta’ kwalità li toffri mhux biss pagi ta’ kwalità imma anke livell ta’ għajxien ta’ kwalità lil kulħadd.