Edukazzjoni Lokali

Id-Direttivi tal-MUT jidħlu fit-tieni ġimgħa tagħhom

“L-edukaturi jinsabu ferm diżappuntati bl-aġir tal-Gvern b’rabta mal-pakkett finanzjarju li offra. U għadna l-bogħod ħafna sabiex nilħqu qbil.”

Dan saħqu l-President tal-MUT Marco Bonnici meta t-Tnejn filgħaxija kien intervistat fil-programm NETLIVE wara li l-ġimgħa li għaddiet id-diskussjoniijiet waqfu ħesrem – tant li hemm ebda laqgħa oħra skedata bejn l-MUT u l-Gvern.

Marco Bonnici stqarr li ma kienx sorpriż li n-negozjati sfumaw fix-xejn, hekk kif il-pakkett finanzjarju li tixtieq il-union huwa ferm ‘il bogħod mill-proposta li għamel il-Gvern.

Bonnici spjega wkoll kif dan id-dewmien kollu kapaċi jwassal biex numru ta’ edukaturi jispiċċaw jitilqu minn din il-professjoni.

Il-President tal-MUT stqarr li Robert Abela ma’ żammx mal-wiegħda li għamel fil-manifest elettorali li jkun hemm titjib sinifikanti fil-pagi tal-għalliema.

Hekk kif l-azzjonijiet industrijali fl-iskejjel tal-Istat u tal-Knisja daħlu fit-tieni ġimgħa tagħhom, Marco Bonnici kkonferma li m’hemmx laqgħat oħra skedati dwar il-pakkett finanzjarju għall-ftehim settorali il-ġdid. Bil-President tal-MUT jinsisti illi mhux sew li l-pagi tal-edukaturi baqgħu daqstant lura.

Intant, huwa evidenti li għal ħafna mill-membri tal-Kabinett ta’ Robert Abela din mhix kwistjoni ta’ importanza. Filwaqt li oħrajn għadhom qed jgħidu li se jintlaħaq qbil, mingħajr ma jispjegaw għaliex krollaw it-taħdidiet mal-għalliema.

L-azzjonijiet industrijali preżenti jinkludu li l-edukaturim’għandhomx jagħmlu laqgħat mal-ġenituri jew parents day, l-edukaturi m’għandhomx jippreżentaw lista ta’ attendenza tal-istudenti u m’għandu jkun hemm l-ebda kuntatt permezz ta’ komunikazzjoni online. Dan apparti l-istrajk li se jsir it-Tnejn 27 ta’ Novembru.