Il-Brażil, fl-aħħar sigħat, irreġistra l-ogħla temperatura fl-istorja tal-pajjiż u li telgħet għal aktar minn 45 gradi Celsius f’diversi bnadi.
L-epiċentru tas-sħana storika kien indikat fil-belt ta’ Aracuai, fl-Istat ta’ Minas Gerais lejn il-Lbiċ tal-Brażil — bl-esperti jattribwixxu din is-sħana bla preċedent lill-fenomenu naturali magħruf bħala El Nino flimkien mal-bidliet konsistenti fil-klima tad-dinja.
Intant hemm it-tamiet li s-sħana, ‘il quddiem, tonqos xi ftit fil-Brażil -– għalkemm xi bliet ewlenin mistennija jirreġistraw temperaturi ta’ madwar 40 gradi Celsius.
Intant, it-temperaturi f’Aracuai qabżu r-rekord preċedenti, imwaqqaf xi snin ilu, u li kien ta’ 44.7 gradi Celsius.
Is-sħana qalila wasslet anki għal diversi ‘red alerts’ u twissijiet dwar is-saħħa madwar il-Brażil u meta jonqos xahar biex jidħol l-istaġun tas-sajf fir-reġjun. Il-konsum tal-energija fil-Brażil ukoll żdied għal-livelli rekord meta l-poplu qed juża l-mezzi kollha għall-arja kundizzjonata biex jibbilanċja l-qilla tas-sħana.
//= $special ?>