Internazzjonali

Il-Lvant Nofsani: Possibbiltà akbar ta’ ftehim dwar il-ħelsien tal-ostaġġi — bil-battalji qed ikomplu

Iżrael qed jittama li jkun hemm aħbarijiet pożittivi sabiex jintlaħaq ftehim mal-grupp Ħamas ħalli jinħelsu l-ostaġġi li kienu nħatfu waqt l-attakki tax-xahar li għadda mit-terroristi Iżlamiċi. Dan wara li l-Kap tal-Ħamas, Ismail Haniyeh, qal li l-ftehim kien viċin.

Bħalissa l-Ħamas qed iżommu madwar 240 ostaġġ – inklużi nisa u tfal – f’Gaza.  U fl-aħħar sigħat, ir-rappreżentanti tal-grupp infurmaw lill-istazzjon Al-Jazeera li l-ftehim, ladarba jkun konkluż, għandu jinkorpora anke pawżiet sinifikanti fil-ġlied ma’ Iżrael ….li ilu għaddej il-ġimgħat.

Kwalunkwe ftehim għandu jesiġi biex l-Iżraeljani jippermettu t-trasport tal-għajnuna lin-nies ta’ Gaza flimkien ma’ skambju ta’ ostaġġi Iżraljani u priġunieri Palestinjani.

Fl-istess ħin, kelliema għall-militanti tal-grupp Ġiħad Iżlamiku – entità terroristika oħra u spalla tal-Ħamas – ukoll indikaw li qablu dwar kundizzjonijiet għal waqfien mill-ġlied. Apparti minn hekk, uffiċjali għoljin fl-Istati Uniti jemmnu li l-maġġoranza assoluta tal-ostaġġi maħtufin mill-Ħamas għadhom ħajjin u li n-negozjati dwar il-ħelsien tagħhom kienu jinsabu fi stadju mill-aktar sensittiv.

Jekk kemm-il darba jkun hemm pawża fil-konflitt, din għandha tkun l-ewwel waħda mindu Iżrael irritajla  kontra l-Ħamas għall-massakri tas-7 ta’ Ottubru li swew il-ħajja ta’ 1,200 persuna.

Madankollu Iżrael jibqa’ determinat li –irrispettivament mill-iżviluppi — ikompli jiġġieled biex jelimina t-theddida tat-terrur mill-Ħamas.

Il-parti kbira ta’ Gaza llum spiċċat ridotta f’munzelli ta’ tifrik wara eluf ta’ attakki mill-ajru –  bl-Iżraeljani qed jissikkaw il-morsa fuq il-Belt ta’ Gaza fejn ir-residenti spiċċaw fiċ-ċentru ta’ din il-gwerra – waqt li qed ibatu n-nuqqasijiet tal-ikel, ilma u fuel.

Il-Ħamas dejjem ċaħad li qiegħed juża l-isptarijiet u z-zoni tar-residenti ċivili bħala moħba għall-operat tiegħu. Iżda Iżrael qed jibqa’ jinsisti li t-terroristi qed ikomplu bl-istrateġija li jużaw liċ-ċivili f’Gaza bħala tarka umana.