Negliġenza, in-nuqqas ta’ għarfien u Gvern mheddi bil-ġlied intern wasslu biex tittieħed deċiżjoni li se tkun qed taffetwa mhux ftit fiż-żieda tal-piżijiet fuq il-poplu Malti u Għawdxi.
Dan intqal fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem għas-Settur Marittimu u x-Xogħol Ivan Castillo, mill-Kelliem għas-Self Employed, l-Intrapriżi ż-Żgħar u l-Koperattivi Robert Cutajar, mill-Kelliem għall-Ekonomija u l-Ħolqien ta’ Setturi Ekonomiċi Ġodda Ivan J Bartolo u mill-Kelliem għal Livell ta’ Għajxien Aħjar b’Impenn Kontra l-Għoli tal-Ħajja Albert Buttigieg.
In-nuqqas tal-Gvern wassal biex in-negozjant Malti jkun affettwat minn taxxa fuq l-emmissjonijiet, liema taxxa, se tkun qed tgħolli l-prezzijiet li wieħed fis-suq lokali.
Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jinsisti għall-ħarsien tal-ambjent u l-ħtieġa li wieħed jikkunsidra sew qabel ma jwettaq xi forma ta’ danni, in-nuqqas ta’ għarfien tal-Gvern, anke dwar in-negozjati li kienu qed isiru fl-istituzzjonijiet Ewropej, wassal biex jitfa’ f’limbu lin-negozjant u lill-ħaddiema Maltin, li issa se jkunu qed jaffrontaw taxxa żejda, bil-piżijiet tal-għoli tal-ħajja jkomplu jikbru fuq il-poplu.
Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jiġbed ħabel wieħed biex ikun hemm ħarsien tan-negozjanti Maltin u l-istakeholders konċernati. Hu obbligat ukoll li, fl-interess nazzjonali, jistaqsi x’inhuma s-soluzzjonijiet realistiċi, tanġibbli u l-pjani ta’ kontinġenza tal-Gvern jekk ifallu n-negozjati mal-Unjoni Ewropea biex titneħħa t-taxxa fuq l-emmissjonijiet.
Fost dawn hemm deversi punti mqajma mill-Malta Maritime Forum u l-MCESD bħal:
▪ Kif jiġi mgħejjun il-Malta Freeport Terminal, li jikkontribwixxi 2% tal-GDP ta’ Malta, jista’ jkollu ‘business leakage’ ta’ €138.8 miljun fis-sena u jitilfu 1,700 bastiment fis-sena?
▪ L-effetti negattivi fuq l-esportazzjonijiet u l-portijiet f’Malta, minħabba li nistgħu nitilfu 165 konnessjoni tal-port madwar id-dinja, kif ukoll il-kunċett mitluf ta’ ‘just in time’, li jaffettwaw il-vantaġġ kompetittiv tagħna bħala pajjiż.
▪ L-effetti ta’ ħlasijiet addizzjonali ta’ €7.50 għal kull metru fuq trejlers u containers fuq bejjiegħa bl-imnut/grossisti u konsumaturi li se jkollhom spiża addizzjonali ta’ 10.8 miljun fis-sena, li jirriżultaw f’aktar żieda fl-għoli tal-ħajja.
▪ L-effett fuq ħaddiema fil-Freeport, ħaddiema tal-port u formen tal-port kif ukoll ħaddiema każwali tal-port li jistgħu jitilfu l-impjieg tagħhom jew isibu lilhom infushom jaqilgħu ħafna inqas.
Fil-Budget għas-sena d-dieħla, il-Gvern ma semma’ xejn dwar x’inhu l-pjan tiegħu biex jindirizza din l-isfida. Il-Gvern ma semma’ xejn lanqas dwar kif se jaffaċċja bis-serjetà l-kriżi tal-għoli tal-ħajja. U għax hu ċass, il-Gvern ma għarafx ir-riperkussjonijiet minħabba n-negliġenza tiegħu.
Min-naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonalista, bil-viżjoni ekonomika ta’ eċċellenza, ilu jindika b’mod ċar pjanijiet li se jkunu qed jgħinu lin-negozjant u lill-poplu kollu jaffronta l-kriżijiet, li fl-aħħar snin komplew jagħfsu fuq il-ħajja ta’ kuljum ta’ kull individwu.
• Iż-żieda tal-COLA ma tkunx taxxabbli.
• Il-Gvern jagħti tax credits lil min iħaddem biex dan ma jkollux jerġa’ jgħolli l-prezzijiet biex jagħmel tajjeb għaż-żieda tal-COLA.
• Jinħoloq Fond Nazzjonali li jappoġġja lill-industrija li timporta jew tesporta biex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż li jħallu impatt fuq l-għoli tal-ħajja.
• Naraw li jkun hawn mudell ekonomiku ġdid b’setturi ġodda, li joħolqu xogħlijiet ta’ kwalità u li jħallsu aktar lill-ħaddiema tagħna.
//= $special ?>