Lokali

Jitpoġġew 12-il siġra tal-Ballut b’mod temporanju fil-Pjazza tal-Mosta

Ġimgħa wara li s-siġar tal-fikus kienu se jitneħħew mill-pjazza tal-Mosta, issa tpoġġew 12-il siġra tal-Ballut fi qsari – siġar li oriġinarjament kienu se jieħdu post is-siġar tal-fikus, li kieku ma kienx għall-protesti li saru.

Din is-saga kollha bdiet il-ġimgħa li għaddiet meta sar sfreġju ambjentali fil-pjazza tal-Mosta hekk kif wara deċiżjoni li ttieħdet mis-Sindku Laburista bil-barka tal-ERA, beda t-tqaċċit tas-siġar tal-fikus li kienu jsebbħu din iz-zona.  Tqaċċit kellu jitwaqqaf ħesrem wara r-reazzjoni tal-pubbliku inġenerali kif ukoll tar-residenti Mostin għal dan l-isfreġju ambjentali li kien qed iseħħ; sfreġju li wassal ukoll għall-mewt ta’ bosta għasafar minħabba li ma sabux fejn jistkennu.

F’post li ttella’ fuq il-paġna ta’ facebook tal-Kunsill Lokali, is-Sindku Laburista baqa’ jipprova jiġġustifika d-deċiżjoni iniżjali li ttieħdet, li dawn is-siġar kellhom jinqalgħu. Dan għaliex skont hu, il-post fejn kienu se jitħawlu s-siġat tal-fikus kien ikun iktar ideali minn fejn qegħdin illum.

Bil-Perit Chris Grech jgħid illi hija ħasra li ċ-ċittadini u l-Mostin ma tawx ċans il-proġett tal-Pjazza tal-Mosta jitlesta.

Il-verità hi…illi li kieku r-residenti stennew sakemm jitlesta il-proġett tal-Pjazza tal-Mosta, kieku kien ikun tard wisq għax is-siġar tal-fikus kienu jispiċċaw jitqaċċtu kollha.

Kienu bosta l-Mostin li kkummentaw fuq il-mezzi soċjali u li qalu illi dawn is-siġar tal-fikus kienu parti mill-memorja kollettiva tagħhom fil-Pjazza, fejn apparti dan, kienu jagħtu kenn lil ħafna għasafar kif ukoll lin-nies li kienu jistkennu taħthom mix-xemx – element li xorta se jibqa’ nieqas, avolja tpoġġew is-siġar żgħar tal-Ballut.