Lokali Qorti

Kaċċatur mikri biex jispara għall-ħamiem illiberat minħabba li kienu ta’ razza mħallta

Kaċċatur ikkummissjonat minn kunvent biex joqtol il-ħamiem fil-Birgu ħelisha wara li qorti tal-appell sabet li kien akkużat taħt liġi ħażina peress li l-ħamiem misjuba mill-pulizija ma kienx speċi protett. Lawrence Formosa, minn Ħal Safi, kien ġie mmultat €2,500 u sospiż milli jkollu liċenzja ta’ kaċċatur għal sentejn wara li nstab ħati ta’ kaċċa illegali fit-23 ta’ Ġunju 2021 u qabel.

Il-pulizija kienet ġiet infurmata b’operazzjoni ta’ qtil ta’ ħamiem fil-Birgu. Meta marru l-Kunvent ta’ Santa Tereża, Dun Alfred Debono qalilhom li l-kunvent kellu problema kbira bil-ħamiem u kien ingaġġa lill-imputat biex jgħinhom isolvu l-kwistjoni.

Formosa ammetta mal-pulizija li kien mitlub mill-kunvent biex jgħinhom fil-problema tal-ħamiem. Fuq il-bejt tal-kunvent, il-pulizija sabu gaġġa b’ħames għasafar ġewwa filwaqt li fil-bitħa tal-kunvent instabu sitt għasafar mejta.

Formosa appella mid-deċiżjoni tal-ewwel qorti, u sostna li l-ħamiem ma kinux dawk protetti bil-liġi. Waqt li kienet qed tippresjedi l-Qorti tal-Appell Kriminali, l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera ddeċidiet li l-prosekuzzjoni ma rnexxilhiex tipprova li l-ħamiem misjuba fil-pussess tiegħu kienu tal-istess tip bħal dawk protetti permezz ta’ regolamenti sussidjarji tar-Regolamenti tal-Għasafar Selvaġġi.

Espert maħtur mill-Qorti xehed li l-ħamiem fiċ-ċentru tal-każ ma kinux razza pura msemmija fil-liġi imma aktarx razza mħallta ma’ tipi oħra ta’ ħamiem. Minħabba f’hekk, il-Qorti qalet li ma tistax tgħid b’mod konklużiv li l-imputat kien wettaq illegalità, speċjalment peress li l-għasafar li nstabu f’gaġġa fuq il-bejt tal-kunvent qatt ma ġew ittestjati.

Il-qorti tal-appell għalhekk ħelset lil Formosa minn kull akkuża. L-avukati Claudio Zammit u Franco Debono kienu l-avukati difensuri.