Għawdex Lokali

Konferma li Heritage Malta u s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali m’humiex jaqdu l-obbligi tagħhom

Il-Partit Nazzjonlista jinnota li Heritage Malta u s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali qed jirreaġixxu biss wara r-reazzjoni tal-Partit Nazzjonalista u tad-diversi għaqdiet ambjentali li semmgħu leħinhom fil-konfront tal-iżvilupp skandaluż fiz-zona tat-Tempji Megalitċi tal-Ġgantija f’Għawdex, li huma protetti mill-UNESCO bħala patrimonju ta’ wirt dinji.

Hekk intqal fi stqarrija maħruġa llum mid-deputati tal-PN Julie Zahra u Stanley Portelli.

Il-PN insista illi dan jikkonferma li s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali u Heritage Malta mhux jaqdu l-obbligi tagħhom, filwaqt li l-Awtorita’ tal-Ippjanar timxi għal riħha. Hu biss wara deċiżjonijiet ħżiena u għax isibu daharhom mal-ħajt li f’xi okkażjonijet jirreaġixxu.

Il-Partit Nazzjonalista, b’konsistenza mal-politika tiegħu, speċjalment kif espressa fid-dokument “L-Ambjent nagħmluh dritt Malti”, fejn aċċenna ukoll li l-Istat għandu jħares il-wirt storiku ta’ pajjiżna, jingħaqad ma’ numru ta’ għaqdiet ambjentali kontra dan l-iżvilupp, fejn kellu tal-anqas jingħata widen għar-rapport tal-Heritage Impact Assessment kif rakkomandat mill-UNESCO.

Il-Partit Nazzjonalista jesiġi li l-Awtorità tal-Ippjanar, is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali u Heritage Malta ma jieħdux azzjonijiet reattivi, filwaqt li japella lill-Gvern biex mhux biss ma jindaħalx fid-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet, iżda jipprovdi kull għodda meħtieġa biex dawn jagħmlu dak kollu mistenni minnhom biex jissalvagwardjaw il-wirt nazzjonali tagħna lkoll.

Il-Partit Nazzjonalista jesiġi li l-Awtorità tal-Ippjanar, is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali u Heritage Malta ma jieħdux azzjonijiet nofs kedda u biex sempliċiment jidher li tħarku, iżda għandhom jieħdu l-azzjonijiet meħtieġa biex il-permess ikun revokat skont kif titlob u tippermetti l-Liġi u minngħajr aktar tkaxkir tas-saqajn.

Għalhekk il-Partit Nazzjonalista se jinghaqad f’talba għall-appell mid-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar biex ikunu protetti u ssalvagwardjati s-siti storiċi f’Malta u Għawdex, filwaqt li jinħoloq il-bilanċ ġust bejn l-interess tal-iżvilupp li jibqa’ importanti għal pajjiżna u l-patrimonju nazzjonali tagħna.

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ kommess li jkompli jfittex l-interess tal-ġid komuni, f’dan il-każ bil-protezzjoni u ssalvagwardja tal-wirt nazzjonali, u se jkompli jaħdem biex dan iseħħ b’mod sħiħ.