Lokali Qorti

Konfermata sentenza sospiża għal mara li feriet lil żewġha

Il-Qorti preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri ċaħdet l-appell ta’ Eva Langridge Stastna li f’Lulju tal-2018 kienet instabet ħatja li sena qabel weġġgħet gravi lil żewġha meta kellhom xi jgħidu f’San Ġiljan. Meta seħħ il-każ il-mara kellha 51 sena filwaqt li żewġha kellu 71 sena.

Il-każ seħħ fil-lejl ta’ bejn il-25 u s-26 ta’ Settembru tal-2017 f’appartament li jinsab fi Triq Birkirkara. Jirriżulta, li l-vittma spiċċa b’qatgħa fil-parti privata tiegħu u b’xi grif ma’ wiċċu. Dan, wara li Stastna ġibdet il-parti intima ta’ żewġha u ċarrtithielu b’difrejha.

Stastna kienet ġiet ikkundannata sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u tpoġġiet taħt ordni ta’ trattament psikoloġiku għal sentejn bil-għan li tindirizza l-attitudni vjolenti lli għandha. Il-Qorti kienet ħarġet ukoll ordni ta’ trażżin favur il-vittma għal tliet snin.

Fl-appell tagħha, Stastna lmentat fost l-oħrajn li l-ġrieħi li kellu żewġha ma kinux ta’ natura gravi u li l-piena li ngħatat kienet ħarxa żżejjed għax argumentat li għandha kondotta tajba. Il-Qorti tal-Appell, madankollu, ma laqgħetx l-appell tal-mara billi fost l-oħrajn ikkonkludiet li żewġha rriskja li jitlef biċċa mill-parti privata tiegħu u li dan ma seħħ grazzi għall-intervent f;waqqtu li seħħ fl-isptar Mater Dei.