Internazzjonali

L-Awstralja: Waqgħa fatali waqt kunċert ta’ Robbie Williams f’Sydney

L-awtoritajiet f’Sydney mhumiex jiżvelaw dettalji dwar traġedja li seħħet ftit tal-jiem ilu waqt kunċert, f’din il-belt, tal-kantant Britanniku Robbie Williams (ritratt). Dan wara li mara ta’ 70 sena tilfet ħajjitha meta żelqet u xkanat minn sezzjoni ta’ sidien għoljin għal isfel fl-Allianz Stadium fejn sar dan il-kunċert.

Il-mara kienet twasslet l-isptar mis-sit u fejn spiċċat suġġetta għal koma artifiċjali – b’mewtha tkun ikkonfermata llum mill-uffiċjali mediċi.

L-inċident seħħ dritt wara t-tmiem tal-kunċert tas-16 ta’ Novembru u waqt li l-eluf tal-fans ta’ Robbie Williams kienu ħerġin ‘il barra mill-kumpless.

Sadanittant, Williams innifsu  baqa’ ma qal xejn dwar l-inċident li kellu jseħħ waqt l-ewwel lejl tal-XXV Tour ta’ dan il-kantant fl-Awstralja.

Madwar 40,000 dilettant tal-mużika kienu attendew il-kunċert ta’ Sydney u Robbie Williams – li qed igawdi mewġa ġdida ta’ popolarità permezz ta’ dokumentarju ġdid ta’Netflix dwaru – mistenni jkompli bis-sensiela tal-kunċerti nhar l-Erbgħa, b’impenn ieħor għall-pubbliku ta’ Melbourne.